Fix-xahar ta’ Mejju se jkunu qed isiru numru ta’ kompetizzjonijiet sportivi b’aktar minn 2,500 student minn 28 skola f’Malta u Għawdex, inklużi dawk tal-Istat, tal-Knisja u anke tal-privat.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat li dawn il-kompetizzjonijiet, li se jsiru bejn id-19 u t-23 ta’ Mejju, b’diversi dixxiplini sportivi, inklużi l-atletika, l-għawm, il-basketball, il-futbol, in-netball u r-rugby, jagħmlu parti mill-isforzi biex tiġi promossa l-filosofija Olimpika.

Fil-fatt, wara din il-konferenza, numru kbir ta’ tfal imxew lejn Pjazza Tritoni bi trofew forma ta’ fjamma u bnadar minn pajjiżi madwar id-dinja, simbolu ċar ta’ għaqda għall-isports fl-Olimpjadi.
Il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni u l-isport, Clifton Grima, spjega li dawn l-attivitajiet se jsiru fl-aqwa faċilitajiet disponibbli madwar il-pajjiż, li dan il-Gvern investa fihom fl-aħħar żmien.

“Nemmnu li l-isport hu parti importanti ħafna mill-perkors edukattiv li jrid jara l-iżvilupp tat-tfal tagħna u llum, bil-fatti, qegħdin nikkonfermaw dan kollu, fejn għandek konkorrenza sabiħa ħafna min-naħa tal-iskejjel kollha b’diversi dixxiplini sportivi li se naraw it-tfal jikkompetu f’ambjent sportiv san u f’ambjent sportiv li jara l-valuri sportivi.”
Il-Ministru Clifton Grima
ONE News ħa wkoll il-kummenti ta’ żewġ żgħażagħ li se jkunu qed jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet b’dixxiplini differenti, fil-futbol u l-basketball.