F’ġurnata mill-isbaħ b’xemx tiżreġ u żiffa ħelwa, is-Sibt kull min reħilha lejn l-inħawi ta’ Pembroke partikolarment lejn ir-range tal-isparar tal-Forzi Armati ta’ Malta, seta’ jsegwi attività b’konkorrenza kbira ta’ persuni fi sfond ta’ ħsejjes ta’ tiri ta’ armi professjonali.
Dan hekk kif matul il-jum ġiet organizzata kompetizzjoni tal-isparar bejn il-Forzi Armati ta’ Malta, u l-Federation Arms Collection Target Shooters, magħruf aħjar bħala l-Facts.
Il-kompetizzjoni tal-isparar bejn il-membri tal-FACTS u l-Forzi Armati ta’ Malta hija l-ewwel tat-tip tagħha li rat tiraturi jikkompetu bejn xulxin f’kompetizzjoni li ffukat partikolarment fuq sparar mid-distanza bi snipers.
Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Godfrey Pisani li huwa l-koordinatur sportiv tal-FACTS, hekk kif spjegalna d-dettalji ta’ din il-kompetizzjoni. Spjega fost oħrajn kif it-tiraturi sparaw f’distanzi li jlaħħqu tul daqs 4 grawnds tal-futbol.
“Bħala competition qiegħda fuq 5 targets li jibdew minn 180m għal 450m jiġifieri distanzi differenti u b’hekk hija logħba ta’ preċiżjoni b’tipi tal-armi li huma rifles u li huma preċiżi ħafna.”
Pisani spjega wkoll kif din it-tip ta’ kompetizzjoni mhux sempliċiment kemm tiratur, jimmira u jispara.
“Ovjament trid tieħu l-ambjent inkunsiderazzjoni bħar-riħ u dawn il-factors biex inti tolqot. Tispara 3 tiri fuq kull target u qiegħda ttimejata f’għaxar minuti. Jiġifieri kull kompetitur se jkun qed jiġġieled kontra l-ħin u kontra li jolqot it-targets tiegħu.”
Pisani spejga wkoll l-importanza ta’ din l-attività hekk kif provdiet opportunità sabiex jikkompetu ma’ professjonisti bħat-tiraturi tal-AFM f’ambjent magħmul apposta.
“L-ewwel nett ħafna mid-dilettanti tagħna biex jisparaw f’dawn id-distanzi jew iktar ovjament irridu nsiefru barra mill-pajjiż, m’għandniex faċilitajiet dejjem u ilna nitkellmu mal-AFM biex nagħmlu dan it-tip ta’ avveniment u fl-aħħar wasalna.”
Intant, il-President tal-Federazzjoni Charles Wallbank spjega li l-fondi li nġabru minn din l-attività marru għall-Malta Community Chest Fund.
“Dan l-avveniment l-għan prinċipali tiegħu hu li niġbru l-fondi għall-Malta Community Chest Fund. Dak huwa l-għan prinċipali tagħna.”