L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, nediet kompetizzjoni bil-għan li tkompli tqajjem kuxjenza fuq l-importanza li nibżgħu għall-bajjiet u l-ambjent marittimu tal-gżejjer tagħna.
L-għan ta’ din il-kompetizzjoni, li tagħmel parti mill-kampanja ‘Saving Our Blue’, huwa li l-istudenti tal-primarja u s-sekondarja jużaw il-ħila tal-kitba kreattiva biex iwasslu messaġġ favur il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-ibħra tagħna. Il-parteċipanti ta’ din il-kompetizzjoni huma mitluba jibagħtu kitba ta’ mhux aktar minn 300 kelma dwar din it-tema. Il-kitba tista’ tieħu diversi forom, bħall-kitba ta’ djarju, poeżija jew storja.
Kull min jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni se jingħata ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u tifkira miż-żewġ entitatjiet.
L-aħjar tliet kitbiet fl-erba’ kategoriji se jingħataw premju filwaqt li jidħlu fiċ-ċans li kitbiethom jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
L-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex huma mħeġġa jħaddmu l-ħiliet kreattivi tagħhom u jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni.
Il-kitbiet għandhom jintbagħtu permezz email fuq: nla@ilearn.edu.mt, jew inkella permezz tal-posta fl-indirizz, L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, ‘Brillantini tal-Kitba’, Triq Joseph Abela Scolaro, Ħamrun HMR 1304.
Din il-kompetizzjoni tagħlaq nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru 2020. Għal aktar informazzjoni fuq din il-kompetizzjoni, żuru l-paġna Brillantini tal-Kitba/ Writing Stars fuq Facebook, jew ċemplu fuq 2598 3301.