Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu nedew kompetizzjoni li tiċċelebra il-Jum Ewropew tal-Lingwi għas-sena 2020.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-lingwi barranin fid-dinja moderna tal-lum. Qal kif it-tema ta’ din is-sena hija “Bil-lingwi niskopru d-dinja” u saħaq kif aħna l-Maltin għandna biex inkunu kburin għaliex għandna lsien differenti minn dak li juża ħaddieħor filwaqt li xorta waħda nitgħallmu diversi lingwi oħrajn sa minn ċkunitna.
Il-familji Maltin u Għawdxin, iċ-ċentri ta’ Skolasajf u klabbs u skejjel oħrajn tas-sajf huma mistiedna jorganizzaw attivitajiet biex juru l-għarfien tagħhom tal-lingwi f’Malta u kull fejn ikunu.
Il-Kap Eżekuttic tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu spjega l-impenn tal-istess aġenzija sabiex tkun tista’ tippromwovi l-lingwi barranin fi xtutna. Hu saħaq li l-aġenzija tħeġġeġ kemm jista’ jkun lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom għaliex iż-żmien uriena kemm il-qari huwa ta’ importanza biex niskopru postijiet u kulturi lil hinn minn Malta.
Dr Lara Ann Vella, ir-rappreżentanta nazzjonali tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, spjegat kif se ssir il-kompetizzjoni, ‘X’inti kapaċi tagħmel b’lingwa barranija?’. Din il-kompetizzjoni tħeġġeġ lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jesebixxu l-ħakma tagħhom tal-lingwi barranin.
Il-kompetizzjoni fiha 4 kategoriji skont l-età:
– Minn 3 snin sa 7;
– Minn 8 snin sa 11-il sena;
– Minn 12 sa 15-il sena;
– Minn 16 sa 18-il sena.
Kull kategorija ser ikollha tliet rebieħħa u ċ-ċentri u l-iskejjel li se jkollhom l-akbar ammont ta’ parteċipanti ser jirċievu premju.
Dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni jridu joħolqu filmat qasir li fih juru l-ħiliet komunikattivi tagħhom f’lingwa barranijau dan irid jintbagħat f’messaġġ privat lill-paġna uffiċjali ta’ Facebook, Il-Politika Lingwistika. Huwa importanti li l-parteċipanti jinkludu isimhom, kunjomhom, l-età, iċ-ċentru/l-iskola u n-numru tat-telefown.
Wieħed jista’ jikseb aktar tagħrif billi jċempel fuq 25982130.