Tnediet is-sitt edizzjoni ta’ Codesprint, kompetizzjoni għall-coding u l-programming.
B’kollaborazzjoni bejn ICE Malta u l-Ministeru għall-edukazzjoni, din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza sfidi fis-sistema edukattiva Maltija marbuta mal-assessjar.
Din se sservi wkoll bhala pjattaforma ghall-istudenti tal-informatika, fejn se tgħinhom bil-coding u l-programming.
Fil-fatt, l-attivitajiet li tirrikjedi din il-kompetizzjoni, li jridu jsiru f’ħin limitat, se jgħinu lill-istudenti għall-karriera tagħhom fil-futur, fejn se jkunu familjari ma sitwazzjonijiet aktar prattiċi.
Din il-kompetizzjoni se tkun maqsuma fi tliet kategoriji: studenti tas-sekondarja li qed jistudjaw il-computer, dawk li qed jistudjaw dan is-suġġett f’livell avvanzat jew ta’ livell erbgħa jew ħamsa u kategorija miftuħa, fejn dawk kollha interessati jistgħu jipparteċipaw, fosthom dawk gradwati fis-suġġett kif ukoll edukaturi.
Din il-maratona, li se tieħu tmien sigħat, se tara l-bidu tagħha fl-ewwel ta’ Lulju, u tibqa’ għaddejja sal-aħħar tliet parteċipanti.
Il-premjijiet ivarjaw minn premju monetarju ta’ 3,000 ewro, sa korsijiet, vawċers u ċertfikat tal-Blockcchain għal dawk kollha li jipparteċipaw.
Barra minn hekk, E-skills Malta Foundation se tkun qed tagħti wkoll ‘Best Female Award’, sabiex aktar bniet jieħdu interess f’din l-inizjattiva.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima qal li inizjattivi ta’ din ix-xorta joħolqu kommunità li tistimula studenti ġodda, li jkomplu jikkonfermaw kif is-settur jimxi f’linja mal-avvanzi li qed isiru madwar id-dinja.
Huwa tenna l-impenn tal-Gvern sabiex joħloq opportunitajiet differenti.
ONE News tkellem mal-istudent tar-raba sena sekondarja, Shawn Galea Xuereb, li spjega kif inizjattivi ta’ din ix-xorta se jgħinuh ‘il quddiem, meta jkun fuq il-post tax-xogħol.
Intant, ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħin fuq is-sit, www.codesprintmalta.edu.mt.