Heritage Malta permezz tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, nediet kompetizzjoni tal-fotografija tal-abitat naturali bil-għan li tippromwovi l-biodiversitá. Din l-inizjattiva qegħda ssir hekk kif id-dilettanti tal-fotografija tal-abitat naturali qegħdin dejjem jiżdiedu.
Għal din il-kompetizzjoni jistgħu jipparteċipaw kemm Maltin kif ukoll barranin. Ix-xeni fotografiċi sottomessi jridu jkunu ttieħdu kollha lokalment. Il-parteċipanti jrid ikollhom 14-il sena jew iktar sad-data tal-għeluq tal-kompetizzjoni.
Il-kategoriji tas-suġġett jridu jinkludu l-flora u l-fawna kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma u r-ritratti għandhom juru pjanti u annimali li jgħixu fl-abitat naturali Malti. Il-parteċipanti jridu jissottomettu ħames ritratti għal kull kategorija. Kull parteċipant jrid iħallas €10 għal kull għaxar ritratti sottomessi
Ir-ritratti se jiġu ġġudikati minn fotografi professjonali jew minn fotografi rinomati għax-xogħol tagħhom fuq l-ambjent endemiku naturali. Id-data tal-għeluq tal-kompetizzjoni hija t-30 t’April 2017. F’Settembru li ġej issir iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali u r-ritratti rebbieħa se jkunu esebiti għal xahrejn f’wirja li se tittella’ fl-istess mużew fl-Imdina.