“X’taħsbu li għandu bżonn il-Prim Ministru għall-futur għal dawn għas-snin li ġejjin?” Din hija l-mistoqsija li l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li jridu jwieġbu d-delegati meta jiġu biex jivvutaw fl-elezzjoni għal deputat Prim Ministru għall-Affarijiet tal-Parlament. Dan qalu waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista.
Huwa qal li sa mill-bidu tat-tmeninijiet huwa kien jaħdem mill-qrib ma’ mexxejja u uffiċjali għolja tal-partit kull fejn kien hemm bżonn. Qal li huwa kien mitlub mill-Prim Ministru biex jikkontesta din l-elezzjoni.
Rigward slogan għal din il-kampanja qal li dak li qed naraw huwa dak li ħa nieħdu.
Sostna li l-Prim Ministru għandu bżonn lil xi ħadd bħala l-id il-leminija tiegħu li tindirizza l-ħsara li saret lil pajjiżna qabel l-elezzjoni ġenerali.
Qal li min mit-tliet kandidati għal din l-elezzjoni jieħu din il-kariga, irid imur idur il-bliet kapitali tad-dinja jitkellem fost l-oħrajn ma’ banek ewlenin biex jara li tissewwa l-ħsara li saret.
Filwaqt li qal li din hi l-ikbar sfida għal min jilħaq, qal li hu qed joffri kompetenza, esperjenza u lealtà.
Temm li dawn huma l-kwalitajiet li hu għandu x’jikkontribwixxi.