“Il-gvern ġie elett fuq manifest li jippromwovi l-ugwaljanza u bil-fatti dan ser ikun qed iseħħ fi żmien iqsar milli wieħed jistenna.” Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat meta ltaqa’ ma’ Zita Gurmai President tal-PES Women u delegazzjoni mill-Eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti mmexxija mill-President Claudette Abela Baldacchino.
Il-Prim Ministru spjega r-riformi li jridu jsiru fosthom id-diskussjoni dwar il-possibilità ta’ kwoti parlamentari favur aktar rappreżentanza ta’ nisa fil-Parlament għaliex nemmnu li l-Parlament Malti għandu jkun aktar bilanċjat fil-ġeneru, sitwazzjoni li l-President ta’ Nisa Laburisti Claudette Abela Baldacchino ddeskriviet bħala diżappuntanti aktar wara l-elezzjonijiet tat-3 ta’ Ġunju fejn ġew eletti anqas nisa mill-leġizlatura illi għaddiet.
Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat spjega wkoll kif dan il-gvern huwa kommess li japplika fil-prattika l-prinċipju ta’ rappreżentanza ekwa fil-bordijiet ta’ entitajiet maġġuri tal-gvern biex hekk ikollna rapprezentanza ta’ 40% tas-sess lanqas rappreżentat.
Dibattitu ieħor li jrid isir qal il-Prim Ministru huwa dak dwar ir-regolamentazzjoni u d-dikriminalizazzjoni tal-prostituzzjoni, kif ukoll dik dwar cannabis għall-użu rikreazzjonali.
Zita Gurmai, President tal-PES Women filwaqt li awgurat lill-Prim Ministru Joseph Muscat għar-rebħa elettorali tat-3 ta’ Ġunju qalet li tinsab kunfidenti li bħal ma fl-erba’ snin li għaddew żamm kelmtu u wettaq riformi kbar, hekk ser jerġa’ jkun qed jagħmel fis-snin li ġejjin. Żiedet tgħid li hija għandha fiduċja kbira fil-Prim Ministru Malti li spiċċa attakkat flimkien mal-familja tiegħu b’allegazzjonijiet infondati.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Rosianne Cutajar, Nikita Zammit Alamango, Maria Camilleri, Josianne Cutajar u Jennifer Tabone.