Aktar minn 80% minn 550 student li f’Mejju li għaddha għamlu ezami f’wieħed mis-suġġetti vokazzjonali, għaddew b’suċċess minn dan l-eżami fl-eżamijiet tas-SEC.
Id-Direttur Ġenerali tal-Kurrikulu u Tagħlim Tul il-Ħajja fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Stephen Cachia qal li dan kien rizultat pozittiv ħafna, li wera biċ-ċar kemm l-istudenti fehmu aktar b’dan it-tagħlim prattiku. Bl-eżamijiet jibbazaw iktar fuq l-aspett prattiku milli fuq il-kitba.
Din is-sena huma 2,759 student mill-iskejjel kollha sekondarji li qegħdin jitgħallmu suġġetti vokazzjonali, fosthom agribusiness, turiżmu, ospitalità, retail, u kura soċjali.
Il-ġimgħa filgħodu, uħud minn dawn l-istudenti li qegħdin jitgħallmu suġġetti vokazzjoni ipparteċipaw f’attivtà fil-Belt Valletta dwar dan li qegħdin jitgħallmu, fejn saru quiz u treasure hunt madwar il-Kapitali.
Studenti mill-Kulleġġ San Tumas Moore u l-Kulleġġ San Injazju tkellmu magħna dwar kif qegħdin jieħdu gost jitgħallmu suġġett vokazzjonali għax se jgħinhom fil-futur fil-karriera tagħhom.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri zied li mis-sena d-dieħla se jissaħħu s-suġġett vokazzjonali fis-sistema edukattiva My Journey.
Il-gvern se jinvesti €10 miljun f’77 laboratorju u workshop sabiex l-istudenti b’mod aktar prattiku jitgħallmu s-suġġetti vokazzjonali.
Frank Fabri qal ukoll li il-Ministeru tal-Edukazzjoni għamel ftehim mal-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel sabiex l-istudenti li jitgħallmu t-turiżmu ikunu jistgħu jitgħallmu b’mod prattiku f’dawn il-lukandi.
Dr Fabri żied ukoll kif apparti dan, il-gvern għaddej b’ħidma sabiex ikompli jsir il-bini ta’ żewġ skejjel, dik ta’ Wied il-Għajn, u tal-Qawra.
Il-Minstru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fil-qasam edukattiv u jgħin lill-istudenti fis-suġġetti vokazzjonali sabiex ħadd ma jaqa’ lura.