Sal-aħħar tal-2018 Malta kkommettiet ħamsa u disgħin fil-mija tal-fondi strutturali Ewropej allokati għaliha bejn l-2014 u l-2020.
Dan ifisser li l-Gvern Malti mhux biss identifika liema oqsma ser jintefqu l-Fondi Ewropej iżda kkommetta l-flus u bdew jiġu implimentati permezz ta’ ffirmar ta’ ftehimiet mal-benefiċċjarji diversi li jkunu ikkwalifikaw, kif spjega is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.
“Malta, aħna bħala gvern diġa allokajna 95% tagħhom li jfisser li dawn huwa proġetti li qed imorru għal Maltin u l-Għawdxin. Huma proġetti li diġa qed jinħadmu, wħud li diġa rajna l-frott tagħhom imma oħrajn li ħa jibdew fix-xhur li ġejjin u allura se jmorru investiment dirett fil-Maltin u l-Għawdxin”.
Dawn il-fondi se jmorru f’diversi oqsma meqjusa bħala kruċjali fil-pajjiż, bħall-infrastruttura, l-edukazzjoni u s-sigurtà nazzjonali.
“Proġetti li jmorru fl-infrastruttura, qed naraw it-toroq madwar Malta u Għawdex bħal tal-Marsa, tal-Kappara u oħrajn. Skejjel, bħall-MCAST. Hemm ukoll investiment fis-sigurta, fejn hemmhekk qed ngħaddu l-flus lill-Armata, lill-Pulizija u oħrajn, il-forzi tal-ordni biex jassiguraw il-fruntieri ta’ Malta u Għawdex”.
Fl-aħħar xhur Il-Kummissarju Ewropew għal Fondi ta’ Koeżjoni Corina Cretu iddeskriviet lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi li jagħmel l-aqwa użu mill-Fondi Ewropej.
Dr Farrugia qal ukoll li Malta użat mija fil-mija tal-fondi allokati għaliha għall-elfejn u tmintax, fl-ammont ta’ mitejn u tnejn u erbgħin miljun ewro.
Dan ifisser li pajjiżna għamel użu mill-fondi kollha allokati fil-ħin, u mhux se tkun qed jibgħat ebda fondi lura.
“Il-fatt li Malta laħqet dawn il-miri li kellna fl-2018, miri li kienu diffiċli u kompetittivi ħafna, ifisser li t-tim ta’ negozjaturi Maltin li bħalissa qedgħin jinnegozjaw mal-Kummissjoni Ewropea lejn il-pakkett ta’ fondi li ħa nieħdu wara l-2020, bejn l-2021 u l-2027, aħna dan itina saħħa kbira biex inkunu nistgħu mmorru ninnegozzjaw b’mod tajjeb u nġibu a fair deal għal Malta”.