Wara tlett ijiem ta’ tfittxija ġie arrestat raġel Kolumbjan ta’ 43 sena b’rabta mas-sejba makabra ta’ raġel ieħor li nstab imqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema.
Dan filwaqt li ġie arrestat raġel ieħor ta’ 39 sena mill-Portugall li nstab fejn joqgħod il-Kolumbjan.
Milll-awtopsja, li saret nhar it-Tlieta fuq il-katavru, jirriżulta li miet fgat u li ma kienx ilu mejjet sigħat twal meta tqatta’ biċċiet b’oġġett maħsub li kien mannara, indikaw rapporti f’sezzjoni oħra tal-midja.
Il-vittma, li s’issa għadu mhux identifikat, ħlief li hu raġel barrani u għandu bejn erbgħin u ħamsin sena, instabulu aktar minn mitt kapsola bid-droga suspettata kokaina fl-istonku tiegħu f’indikazzjoni ċara li kien involut fi traffikar.
It-Tnejn li għadda għall-ħabta tas-1:30p.m. il-Pulizija kienet sabet bagalja suspettuża fil-baħar ’il barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema li fiha kien hemm fdalijiet imqattgħin ta’ katavru.
Kien ONE News aktar kmieni li żvela kif raġel, suspettat li kien involut fil-każ makabru, xtara mannara minn ħanut fin-Naxxar u li setgħet kienet l-arma tad-delitt.
Waqt li, għall-ewwel kien mifhum li nstabu biss ras ta’ persuna u l-parti ta’ fuq minn ġisimha, irriżulta li s-saqajn u l-idejn kienu wkoll fl-istess bagalja, imma midfunin taħt.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija u l-inkjesta maġisterjali f’dan il-każ għadhom għaddejjin.
Dan qiegħed jitqies bħala l-ħames omiċidju tas-sena u jekk il-Pulizija ssolvi dan il-każ, ikun irnexxiela ssolvi kull omiċidju li seħħ f’dawn l-aħħar sitt snin.