Fabian Medina Paira, Kolumbjan ta’ wieħed u għoxrin sena, inżamm arrestat wara li l-Ġimgħa tressaq il-Qorti akkużat b’feriment serju ta’ żagħżugħa ta’ 25 sena mill-Kolumbja wkoll, li spiċċat fil-periklu tal-mewt.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-allegat każ seħħ l-Erbgħa għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu fuq il-blat f’Paceville, f’San Ġiljan.
Waqt li ġie spjegat li t-tfajla allegatament ġiet attakkata b’arma li taqta’ u bil-ponta, hi kellha tiġi operata fl-Isptar Mater Dei biex tiġi salvata ħajjitha. Nhar l-Erbgħa stess kien allegat li fl-aggressjoni aktarx intuża flixkun tal-ħġieġ imkisser.
L-investigazzjoni tal-Pulizija ħadu ġurnata sħiħa, hekk kif ġew elevati diversi filmati minn l-kameras tas-sigurtà sa madwar nofs siegħa wara l-inċident. Hawnhekk il-Pulizija identifikat lill-akkużat u anke l-ħwejjeġ li kien liebes, anke skont id-deskrizzjoni li ngħatat mill-vittma.
Ġie spjegat li l-akkużat ġie arrestat dakinhar stess għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija f’Pembroke fejn kien għadu bl-istess ħwejjeġ.
Intqal li, għalkemm it-tnejn Kolumbjani, l-imputat u l-vittma ma jidhirx li jafu lil xulxin.
Meta sarlu l-eżami fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Kevan Azzopardi, l-imputat ma wieġeb għall-ebda mistoqsija, li saritlu, b’dan jitqies bħala li kien qed iwieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, waqt li l-akkużat ma jistax jersaq ukoll lejn qraba u ħbieb tal-vittma. It-talba ġiet milqugħa.
Id-difiża, immexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali, Mark Busuttil, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Għaldaqstant il-Kolumbjan se jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sakemm ikompli l-każ.