ONE News żar iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun sabiex isegwi l-aħħar preparamenti finali għal-maratona ġbir ta’ fondi, li hija l-aħħar waħda għal din is-sena.
Maratona li mistennija tkun waħda li toffri attrazzjonijiet u divertiment għall-familja kollha.
Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ser jkun qed jilqa’ numri ta’ familji sabiex filwaqt li jgawdu atmosfera ta żmien festiv, jingħaqdu mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Ser ikun hemm armat villaġġ tal-Milied li mistenni saħansitra jinkludi bejgħ ta’ presepji, apparti ikel u xorb.
Se tintrema wkoll żona ta’ logħob u bouncing castles għal dawk it-tfal kollha li ser ikunu preżenti. L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista ser tkun qiegħda wkoll tgħaddi numru ta rikonoxximenti lil-attivisti u tesserati tal-Partit Laburista. Mis-6.30 ta’ filgħaxija ‘l quddiem id-delegati tal-Partit qiegħdin jiġu mistiedna sabiex jiltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia.
Fin-naħa ta’ ġewwa mbagħad ser ikun hemm il-parti fejn il-Kumitati Lokali mistennija jippreżentaw id-donazzjonijiet li ġabru mingħand ir-residenti, b’dan ser ikun qed isir ukoll fil-gżira Għawdxija mid-Deputat Mexxej tal-Partit.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Laburista Leonid McKay u d-Deputat Mexxej Għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba li min-naħa tagħhom spjegaw x’ser ikun qiegħed jiġri f’din il-Maratona.
Alex Agius Saliba qal ‘’U allura nħeġġu lil-kulħadd sabiex jattendi, jikkontribwixxi sabiex ninvestu hawnhekk ukoll fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, ħa jkollna żewġ proġetti mportanti ħafna li ħa nkunu qiegħdin niffinanzjawhom f’din il-maratona ġbir ta’ fondi, studio illi ser nkunu qiegħdin ninvestu fih hawnhekk fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, sabiex jittellaw produzzjonijiet ukoll bħal podcasts minn hawnhekk minn ġewwa l-Ħamrun, u kif ukoll l-investiment li ser nkunu qiegħdin nibdew kmieni matul is-sena d-dieħla fl-istorja tal-Partit Laburista, l-arkivji’’
Leonid McKay qal ‘’Filgħaxija mbagħad ser ikollna l-gruppi differenti fosthom il-banda tal-Partit li ser tkun qed tanima numru ta’ ħinijiet bil-christmas carols, ser ikollna lil Marisa D’Amato, ser ikollna lil Kevin Paul u fl-aħħar mhux l-inqas ser ikollna lil Kantera, dan huwa spettaklu, dan huwa villaġġ li ser ikun festa għall-familja kolla.’’