Birkirkara FC u Hibernians FC se jiffaċċjaw lil xulxin nhar il-Ħadd f’dik li mistennija tkun Finali eċċitanti tal-Meridianbet FA Trophy. Din se tkun ir-raba’ darba li ż-żewġ timijiet se jiffaċċjaw lil xulxin dan l-istaġun, wara li diġà ltaqgħu fil-kampjonat, b’Birkirkara rebħu tnejn mit-tliet konfronti preċedenti, filwaqt li l-Pawlisti rebħu l-logħba l-oħra.
Matul il-ġurnata tal-ġimgħa, saret konferenza stampa qabel il-Finali fis-Centenary Hall, biż-żewġ naħat ħerqana li jħallu l-marka tagħhom u jtemmu l-istaġun bir-rebħ ta’ trofew. Il-konferenza stampa ġiet indirizzata l-ewwel mill-Viċi President tal-Malta FA Dr Matthew Paris, Byron Falzon f’isem Meridianbet, kif ukoll rappreżentanti kemm minn Birkirkara kif ukoll minn Hibernians.
“Dawn huma żewġ klabbs li t-tnejn għandhom storja rikka u lagħbu f’għadd ta’ logħbiet kbar fil-passat, inkluża l-Finali tal-istess kompetizzjoni 10 snin ilu,” irrimarka Dr Paris. Huwa żied jgħid li se jkun hemm ħafna divertiment qabel il-logħba, u li ż-żewġ timijiet se joffru spettaklu brillanti għall-partitarji kollha li jkunu qed jaraw il-logħba.
Dan l-istaġun, kien hemm 38 logħba (inkluża l-Finali) fil-Meridianbet FA Trophy, bi 39 tim involuti fil-kompetizzjoni.
“Fl-opinjoni tiegħi, il-Meridianbet FA Trophy wriet livell għoli ta’ futbol minn kull tim involut, u nawgura liż-żewġ timijiet l-isbaħ xewqat għall-Finali,” irrimarka s-Sur Falzon min-naħa tiegħu.
Wara, il-kowċis u l-captains taż-żewġ finalisti ħadu r-rwol ċentrali biex jagħtu ħarsa lejn il-Finali tal-Ħadd.
Il-kowċ ta’ Birkirkara Stefano De Angelis enfasizza li t-tim qed jipprepara bl-aħjar mod possibbli minkejja li għandu xi injuries lil plejers ewlenin li jistgħu jżommuhom barra mill-Finali.
“Is-saħħa tagħna hija r-rieda tal-players tagħna li jirbħu li ilhom juru mill-bidu tal-istaġun. Għamlu ħafna speċjalment minn perspettiva mentali meta wieħed iqis it-tul tal-istaġun,” żied jgħid. “Se niffaċċjaw tim li huwa fiżiku ħafna u tekniku ħafna, u għalhekk hija partita li se jkollna nersqu lejha bl-intensità u x-xewqa t-tajba biex nirbħu kull ballun, bl-istess mod li għamilna matul ir-rotta tagħna sal-Finali,” afferma De Angelis.
“Għandna ċ-ċans li nagħmlu dan l-istaġun kollu jiswa, u aħna motivati ħafna. Filwaqt li aħna diżappuntati ħafna minħabba t-telfa kontra Hamrun il-ġimgħa li għaddiet, aħna saħansitra aktar motivati għax irridu nirranġaw l-affarijiet u ngħollu t-trofew,” stqarr il-captain ta’ Birkirkara Alexander Satariano.
Il-kowċ ta’ Hibernians Branko Nisevic irrimarka li l-Pawlisti jafu l-importanza tal-logħba, għax minbarra li għandhom opportunità li jtemmu l-istaġun b’trofew, tirrappreżenta wkoll triq biex jiksbu post fil-UEFA Conference League għall-istaġun li ġej. “L-approċċ mill-plejers l-Erbgħa li għadda kien meraviljuż. Fil-jum it-tajjeb, jekk ikollna l-burdata t-tajba, nistgħu negħlbu lil kulħadd. Minkejja d-diffikultajiet li kellhom Birkirkara, dejjem kellhom l-ispirtu ta’ ġlied biex jirbħu u jirkupraw, u rridu nkunu lesti biex niffaċċjaw dan,” kompla. “Mill-perspettiva teknika, din hija Finali li tista’ tbiddel l-istaġun kollu għalina. Li naslu sal-Finali, u li nirnexxielna nirbħu l-Finali, se jkun sodisfazzjon kbir għalina,” żied jgħid Nisevic.
“Naħseb li r-rebħ ta’ trofew huwa dejjem sabiħ, allura l-iżbalji kollha li saru matul l-istaġun, tista’ tirranġahom b’logħba waħda biss. Irridu nagħtu xi ħaġa lura lill-partitarji tagħna li dejjem ikunu hemm matul iż-żminijiet tajbin u ħżiena,” spjega l-captain ta’ Hibernians Bjorn Kristensen.
Il-finali tal-85 edizzjoni tal-Meridianbet FA Trophy, li se tara lil Birkirkara jilagħbu kontra Hibernians fl-Istadium Nazzjonali, se ssir il-Ħadd 18 ta’ Mejju 2025u tibda fis-6.30pm.