Kollox huwa lest biex tibda skola skolastika ġdida għall-benefiċċju ta’ uliedna.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, li nnota wkoll x’qalet l-Unjin tal-Għalliema Maltin, l-MUT.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni afferma li dejjem lest jiddiskuti mal-partijiet kollha fis-settur edukattiv u bi prijorità dejjem ikunu l-istudenti u l-edukaturi.
Hawn intqal kif il-Ministeru dejjem tkellem mal-Unjin tal-Għalliema li fiċ-ċirkostanza tal-pandemija u bir-restrizzjonijiet meħtieġa, realistikament l-esiġenzi f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji jitolbu li numru ta’ għalliema tal-primarja jerġgħu jieħdu klassi tal-primarja b’mod temporjanju, kif sar fis-sena skolastika li għaddiet.
Intqal kif it-taħdidiet dwar dan ilhom li saru u l-Ministeru dejjem kien ċar mal-unjin dwar kif l-arranġamenti ta’ għalliema mis-servizz peripatetiku minħabba l-ħtieġa ta’ tnejn u tmenin għalliem għall-iskejjel tal-primarja.
Iżda l-Ministeru hawnhekk qal kif il-Unjin biddlet il-fehma tagħha fl-aħħar ħin.
Intqal li minn dan intgħażlu għalliema tal-primarja biex jerġgħu jieħdu klassi tal-primarja, waqt li s-servizz peripatetiku xorta se jibqa’ jingħata.
Il-Ministeru appella għall-kooperazzjoni ta’ dawk kollha involuti fis-settur edukattiv biex jingħata bidu għas-sena skolastika li jmiss u ma tkunx imxekkla l-edukazzjoni ta’ uliedna.