Xhur sħaħ ta’ preparamenti u investiment se jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn, fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li għat-tielet darba se jsiru f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li din hija okkażjoni li permezz tagħha se jogħla l-profil ta’ pajjiżna fid-dinja tal-Isport u se jitħalla legat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Fiż-żewġ faċilitajiet li żar – il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali u t-Trakka tal-Atletika fil-Marsa – il-Ministru Grima ltaqa’ mal-atleti u awguralhom suċċess.
Il-Ministru Grima żied jgħid li dan il-Logħob se jkomplu jpoġġuna fuq il-mappa dinjija tal-isport, u li din se tkun okkażjoni li fiha l-atleti se jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li sar fihom.
“Illum żorna xi faċilitajiet, xi atleti, u hemmhekk anke ltqajna mal-uffiċjali. Kolloaraw l-atleti tagħna fuq il-podju, jiksbu riżultati għalihom u għal pajjiżhom.”
Minn kemm ilu jsir il-Logħob tal-pajjiżi ż-Żgħar, pajjiżna kiseb 331 medalja. Fiż-żewġ edizzjonijiet li saru f’pajjiżna, l-atleti kisbu 32 medalja fl-1993 u 44 medalja fl-2003.
Dan il-Logħob se jsir mit-Tnejn li ġej, id-29 ta’ Mejju, sat-3 ta’ Ġunju u mistennija jipparteċipaw fihom mal-1,000 atleta u 500 uffiċjal minn għaxar dixxiplini sportivi.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq ħidma vasta fl-istadium tal-Atletika fil-Marsa.