Il-Gvern għaddej bil-proċess tat-transazzjoni bbażata fuq pariri minn esperti legali u ekonomiċi dwar il-proġett ta’ żvilupp fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, u mhu se jidħol f’ebda transazzjoni li ma kinitx se tkun konsistenti mal-liġijiet Maltin u Ewropej.
Dan filwaqt li qed jindirizza b’mod xieraq il-kwistjonijiet li tqajmu minn diversi stakeholders dwar dan il-proġett.
Il-Gvern qal dan fi stqarrija meta kien qed iwieġeb għal ittra anonima li rċieva l-Ħamis u li kienet indirizzata lill-Membri Parlamentari kollha. L-ittra ntbagħtet minn konsorzju li jsejjaħ lilu nnifsu Foresite, li hu magħmul minn operaturi tan-negozju anonimi.
Dawn ilmentaw mal-Gvern li t-trasazzjoni għall-iżvilupp fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan tmur kontra l-għajnuna lill-istat li toffri l-Unjoni Ewropea u l-liġijiet tax-xiri pubbliku, minħabba li tkun qed tagħti vantaġġ legali lil International Hotel Investments, il-konsorzju li l-Gvern qed jikkunsidra għal dan il-proġett. L-ittra żiedet tgħid li din is-sħubija tagħlaq il-bibien għal żviluppaturi oħrajn li huma interessati fil-proġett.
Fuq kollox, il-Gvern reġa’ tenna li dan huwa proġett kruċjali għall-pajjiż li jimxi id f’id mal-viżjoni tiegħu biex inġibu aktar turiżmu ta’ kwalità lejn pajjiżna permezz ta’ ambjent lussuż ta’ sitt stilel.