50,000 persuna mistennija jattendu għall-avveniment ta’ lejliet l-ewwel tas-sena fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet propju l-Ġimgħa filgħodu hekk kif ġew spjegati l-aħħar pjanijiet loġistiċi għal dan l-avveniment li sar jokkupa appuntament anwali importanti fil-kalendarju tal-avvenimenti f’pajjiżna.
Fil-fatt, kollox jinsab lest sabiex ħafna artisti lokali jsaħħru l-qalba tal-Belt fl-aħħar lejl tas-sena, bl-avveniment se jkun qed jibda fit-8:30pm u jibqa’ għaddej sas-2am.
Tkellimna maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef hekk kif spjegalna x’ser ikun qed joffri differenti din is-sena dan l-avveniment.
“Fil-Pjazza San Ġorġ se jkollna spettaklu fil-vera sens tal-kelma, l-ewwel nett irrid nirrimarka li dan hu l-ikbar stage li qatt kellna kemm ilna norganizzaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. L-ispettaklu ta’ dawl li investejna fih, il-laser u s-show tal-laser li se jkollna specjalment fl-aħħar minuti qabel nilqgħu s-sena l-ġdida se jkun xi ħaġa fenominali umbagħad naturalment għandna l-aqwa talent lokali fejn fost is-shows li se jkollna fuq dan l-istage għandna show sabiħ ħafna tal-kantant popolarissimu Malti u l-kantanta internazzjonali mhux biss lokali, Emma Muscat.”
Jason Micallef – Chairman tal-VCA
Fil-fatt, il-lejla se tibda b’Lara and the Jukeboys band. Wara mbagħad se tieħu r-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela flimkien ma’ line up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali li fosthom se hemm AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.
Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata u jakkumpanjawhom għal countdown ikun hemm Dj Koroma u Dj Miggy.
Dan l-avveniment se jkun qed jixxandar b’mod dirett fuq l- l-istazzjonijiet televiżivi lokali.
Min naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal kif dan l-avveniment tal-aħħar tas-sena huwa l-isbaħ mod kif wieħed jilqa’ s-sena l-ġdida. Huwa ddeskriva l-avveniment ta’ tmiem is-sena bħala l-akbar laqgħa nazzjonali f’dawn il-jiem tal-Milied xprunata mill-ħiliet ta’ talent lokali.
“Dawn huma ċelebrazzjonijiet sbieħ ħafna mhux biss għax iġibu flimkien il-poplu Malti u Għawdxi kollu, ngħaqdu il-familji flimkien fil-pjazza tant sabiħa imma għaliex hija pjattaforma tat-talent lokali li jesebixxu il-ħiliet tagħhom quddiem udjenza tant kbira umbagħad għandek is-sabiħ tal-Belt Valletta, tal-Belt Kapitali tagħna li fil-pjazza l-iktar importanti tagħna tilqa’ tant eluf ta’ nies biex flimkien inħarsu lejn il-futur, lejn is-sena l-ġdida li aħna bħala poplu Malti dejjem inħarsu ’il quddiem b’mod ambizzjuż u b’mod pożittiv ħafna.”
Owen Bonnici – Ministru
Intant, is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit ħeġġeġ lill-Maltin, l-Għawdxin u l-barranin sabiex bi ħġarhom jattendu għal dan l-avveniment biex jiċċelebraw lejliet l-ewwel tas-sena flimkien.
“Il-Belt Kapitali hija Belt ta’ kulħadd, il-festi li se niċċelebraw fl-lejliet l-ewwel tas-sena huma miftuħa għal kulħadd, għal Maltin u l-Għawdxin, għal Beltin b’mod speċjali u għal barranin li jgħixu Malta u jaħdmu Malta. Dawn qed jagħtu kontribut kbir lill-ekonomija tagħna u allura nistednuwhom ukoll jieħdu pjaċir magħna, għala le hux vera, kulħadd uman u niċċelebraw flimkien”.
Alfred Zammit – Sindku
Għal dan l-avveniment se jkun hemm ukoll servizzi speċjali tat-trasport pubbliku b’sigħat miżjuda, bil-għan li tiżdied l-aċċessibilità u l-kumdità għal dawk kollha li se jżuru l-Belt Kapitali.
Barra minn hekk il-lift pubbliku se jkun qed jaħdem sa tard.