Is-sbatax ta’ Marzu, Jum San Patrizju.
Tradizzjoni Irlandiża, li maż-żmien, imxiet lejn pajjiżna, sabiex issa saret appuntament annwali għal ħafna – l-aktar popolari fost iż-żgħażagħ.
B’dan il-jum issa jinsab wara l-bieb, il-preparamenti għalih, partikolarment f’San Ġiljan, jinsabu fl-eqqel tagħhom, anke hekk kif jidher li t-temp se jippermetti, u b’hekk diversi persuni se jerħulha biex jieħdu xi flixkun birra jew tnejn, flimkien ma’ sħabhom.
B’rabta ma’ dan tkellimna mad-DJ żagħżugħ Miggy, li se jdoqq f’diversi stabbilimenti, nhar il-Ħadd.
Hu nnota kif hemm stennija kbira għal dan l-avveniment.
“Qed inħossni eċitat ħafna. Ovvjament, din is-sena se jkun hemm aktar nies mis-snin ta’ qabel, se jkun il-Ħadd u mistenni temp sabiħ immens. Se nkun qed indoqq f’diversi clubs u establishments differenti, jiġifieri nħeġġeġ lin-nies kollha – sabiex kulħadd jitla’ San Ġiljan biex niċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju.”
DJ Miggy
Intant, l-appell huwa wieħed – sabiex kulħadd igawdi b’mod responsabbli, biex ħadd ma jweġġa’ u ma jiġu kkawżati l-ebda inċidenti.