Fis-sala ewlenija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, kollox jinsab lest biex il-Ġimgħa filgħaxija, tiftaħ wirja storika li se tieħu lil kull min jaraha, lura fiż-żmien.
Din l-esebizzjoni storika se tieħu lin-nies fuq vjaġġ li jixħet dawl fuq l-istorja tal-Partit Laburista, pass pass, matul is-snin, partikolarment dawk bikrin tiegħu.
Il-qofol jintlaħaq il-Ħadd, f’open day organizzata mill-Partit Laburista, li dwarha tkellimna wkoll mas-Segretarju Eżekuttiv tal-Partit, Catherine Fenech.
“Il-bibien taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dejjem miftuħa għal kulħadd, però nhar il-Ħadd hi ġurnata speċjali, open day, organizzata mill-Partit Laburista, mill-għaxra sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, fejn il-qofol tagħha se tkun l-esebizzjoni storika fejn jinxteħet dawl differenti fuq il-fondazzjoni tal-Partit u l-istorja tal-Partit.”
Catherine Fenech – Segretarju Eżekuttiv tal-PL
Kull min jattendi se jingħata tifkira kommemorattiva, fl-istess waqt li jkollu ċ-ċans jiltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela u membri mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
“Tkunu tistgħu ġġeddu s-sħubija tagħkom jew tinkitbu u tagħmlu t-tessera tagħkom mal-Partit u kif ukoll fuq kollox tiltaqgħu mal-Prim Ministru. Il-Prim Ministru se jkun hawnhekk fostna u hi okkażjoni sabiħa ħafna biex tiltaqgħu miegħu u mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.”
Catherine Fenech – Segretarju Eżekuttiv tal-PL