L-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qiegħda twettaq investigazzjoni nazzjonali wara rapporti li l-mobiles Samsung Note 7 qiegħdin jieħdu n-nar. Minn informazzjoni provduta mingħand rappreżentant tad-ditta hawn Malta, jirriżulta li l-prodott ġie msejjaħ lura u waqaf għal kollox il-bejgħ ta’ dan il-mobile qabel laħaq wasal Malta. Jirriżulta wkoll li l-prodotti mibjugħa mis-sit elettroniku ta’ Samsung ma ġewx distribwiti lejn Malta.
L-MCCAA għamlet kuntatt ma’ stati membri Ewropej oħra, li wkoll jidher li l-mobiles effetwati ma laħqux waslu għandhom.
Għalhekk, tikkonkludi l-MCCAA, huwa verament improbabli li hawn Malta hawn dawn it-tip ta’ mobiles. Iżda jekk hawn min għandu s-Samsung Note 7, l-aħjar wieħed jitfih u jikkuntatta lill-operatur, sabiex jinġabar lura.