Kollox jindika li Brexit se jseħħ u l-Gvern Britttaniku irid jagħlaq in-negozjati mal-UE sal-aħħar ta’Novembru waqt li qal li kelliema għall-Gvern Brittaniku infurmawh li baqa’ biss 5% x’jiġi negozjat bejn ir-Renju Unit u l-UE, primarjament dwar il-kwistjoni tal-Irlanda.
“Kulħadd jixtieq divorzju bi ftehim.”
Dan qalu Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew quddiem udjenza numeruża fil-Qawra.
Dr Sant qal li t-tbassir ekonomiku għal Malta għadu posittiv għas-sentejn li ġejjin u mhux se jkun determinat minn negozjati dwar il-Brexit. L-ekonomija Maltija issa hija ibbażata l-aktar fuq is-servizzi finanzjarji u t-turiżmu, żewġ setturi li kontinwament iddefenda fil-Parlament Ewropew anke wara li l-UE tefghet għajnejha fuqhom fl-aħħar snin.Dr Sant saħaq dwar l-importanza ta’ ftehim tat-traffiku bl-ajru bejn Malta u r-Renju Unit, settur importanti għat-turiżmu peress li 40% tat-turisti jiġu mir-Renju Unit.
“L-obbligi tal-Gvern Brittanniku lejn iċ-ċittadini Maltin mhumiex relatati mal-Brexit. L-arranġamenti bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit se jibqgħu fis-seħħ. Brexit ma jaffettwax il-ftehim bilatareli li Malta għandha mar-Renju Unit dwar is-saħħa, it-trattament tal-morda fi sptarijiet Brittanniċi u l-edukazzjoni, iżda se jiġu affettwati scholarships tal-UE għal studenti Maltin li jixtiequ jistudjaw fir-Renju Unit. Dawk li għandhom impjieg fir-Renju Unit mhux se jintlaqtu.
L-importazzjoni u l-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit jiddependi mill-ftehim li se jintlaħaq mal-UE. Negozji żgħar jistgħu jintlaqtu minn dazji ġodda li jiġu introdotti fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni minn u lejn ir-Renju Unit, skont il-ftehim kummerċjali li jintlaħaq mal-UE. L-importazzjoni mir-Renju Unit, bħal importazzjoni ta’ karozzi second hand, tista’ tintlaqat minn dazji li jiġu introdotti.”
Dr Sant qal li s-27 stat tal-UE irnexxielhom iżommu linja aktar maqbula mill-Gvern Brittaniku fin-negozjati bl-UE. Brexit se jaffettwa l-Budget Ewropew 2020-2027 għax ir-Renju Unit huwa t-tieni l-akbar kontributur lejn l-UE wara l-Ġermanja.
“Huwa fl-interess tal-UE u tar-Renju Unit li jibqgħu relazzjonijiet tajba fil-qasam tas-sigurta’, terroriżmu, kriminalta’ u difiża. L-UE, iċ-Ċina, il-Ġappun jaqblu dwar politika multilaterali dwar kummerċ bl-eċċezzjoni tal-imprevedibilita’ tal-Istati Unit f’dal-qasam.”
Mistoqsi jekk hux se jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li d-deċiżjoni tiegħu se tkun favur l-interessi ta’ Malta u tal-Partit Laburista u qal li se jitkellem dwar dan aktar tard dan ix-xahar.
Il-Konferenza tmexxiet minn Karl Stagno Navarra.