Smajt lill-Prim Ministru jitkellem fuq l-akkużi li marru jagħmlu kontra tiegħu, akkużi li palesament huma foloz, għax min għamel id-denunzji jaf li l-fatti mhux minnhom, u bbażati fuq injoranza grassa tal-liġi. Ngħidu li l-injoranza tal-liġi ma tiskuża lil ħadd, aħseb u ara kemm tiskuża lill-nies lawrejati bħala avukati.
Fil-kodiċi kriminali tagħna, kuntrarjament għal dak li hemm f’kodiċijiet ta’ pajjiżi ohra, ma għandniex ir-reat ta’ omissjoni. Il-Professur Sir Anthony Mamo, l-uniku wieħed li ħalla kitba serja fil-kamp kriminali, għamel li f’Malta ma jeżisti l-ebda reat jekk wieħed jara tarbija tegħreq fi ftit ilma u ma jagħmel xejn. Aħna nitkellmu fuq l-actus reus u l-mens rea. Jiġifieri jrid isir att kontra l-ligi, u l-moħħ u r-rieda tal-bniedem irid apposta jagħmel dak l-att kontra l-liġi. Hemm reati msemmija apposta li joħolqu piena meta wieħed jagħmel att bi traskuraġni, imma għall-inqas irid jagħmel att.
It-tieni hemm il-kwestjoni tal-ġurisdizzjoni. Skont il-Kodici Kriminali il-Qrati Maltin għandhom ġurisdizzjoni, jiġifieri jistgħu jieħdu passi fuq dak li jiġri fuq il-Gzejjer Maltin, fl-ibħra territorjali, jew fuq vapur Malti jew ajruplan Malti. L-Att irid isir kif qed ngħid. Ftakru dwar dawk li jmorru jagħmlu abort barra minn Malta, u l-liġi Maltija ma tista’ tagħmlilhom xejn.
Issa dan apparti li l-fatti mhux minnhom. U kif tkellem Robert Abela, persważ li xejn mhu minnu, barra dak li qalet il-Frontex.
Imma hej, dawn ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk. Kollox għandu l-limitu tiegħu.
U l-Pulizija m’għandhomx bżonn kwerela.
L-artiklu 101 tal-Kodiċi Kriminali jgħid hekk:
(1) Kull min bil-ħsieb li jagħmel ħsara lil xi persuna, jakkuża lil dik il-persuna quddiem awtorità kompetenti b’reat, filwaqt li jkun jaf li dik il-persuna hija innoċenti, għall-fatt biss li jkun akkużaha, jeħel, meta jinsab ħati –
(a) il-piena ta’ priġunerija minn tlettax sa tmintax-il xahar, jekk l-akkuża falza tkun ta’ delitt suġġett għall-piena akbar mill-piena ta’ priġunerija għal żmien ta’ aktar minn sentejn;
(b) il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa disa’ xhur, jekk l-akkuża falza tkun ta’ delitt suġġett għall-piena mhux akbar mill-piena ta’ priġunerija għal żmien sentejn, iżda li ma jaqax taħt il-pieni tal-kontravvenzjonijiet;
(ċ) il-piena ta’ priġunerija minn tlitt ijiem sa tliet xhur, jekk l-akkuża falza tkun ta’ kull reat ieħor.
Meta se jibdew iduqu mill-mediċini li għandhom bżonn?