Ix-xogħlijiet fuq il-Junction tal-Kappara qegħdin on-track, tant li sal-aħħar ta’ Settembru se jkun qed jitlesta l-proġett fejn se jerġgħu jinfetħu ż-żewġ karreġġjati.
Żmien meta t-traffiku jkun fl-aqwa tiegħu hekk kif it-tfal jerġgħu jirritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskejjel wara l-vaganzi tas-Sajf.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt żjara fuq il-post.
Żjara li matulha l-Prim Ministru żar il-fażijiet differenti tal-proġett u staqsa mistoqsijiet lill-Periti responsabbli minnu.
Il-Prim Ministru nnota li dan il-proġett – li kien ilu snin twal fuq l-ixkaffa għax ħadd ma kellu l-kuraġġ jidħol għalih – huwa xempju tat-talent f’kull settur li jeżisti f’pajjiżna.
Irrimarka wkoll kif matul it-twettieq tiegħu, il-koordinament tant kien tajjeb li fl-ebda ħin ma ngħalqet għal kollox it-triq, u t-traffiku baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb.
Spjega wkoll li issa l-proġett li jmiss huwa l-Junction tal-Marsa.
Dan flimkien mal-proposta mħabbra jiem ilu dwar l-akbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna – li jekk Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu jerġgħu jingħataw il-fidużja fit-3 ta’ Ġunju li ġej, se jara ħidma fuq kull triq f’Malta u Għawdex, u se jiswa xejn inqas minn €700 miljuni.
Intant, l-andament tal-proġett tal-Junction tal-Kappara huwa xempju ċar tal-kredibbiltà ta’ dan il-Gvern li jwettaq dak li jwiegħed.