Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi nieda kollezzjoni ta’ bolol ġodda tal-Funtana tat-Tritoni maħruġa mill-filatelija tal-posta.
Dawn il-bolol ġew iddisinjati mill-fotografu Daniel Cilia u saru biex jikkommemoraw il-ħames anniversarju mill-inawgurazzjoni tar-restawr estensiv li kien sarilha.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi innota li l-Funtana tat-Tritoni hija punt ta’ riferiment li tispikka fil-belt kapitali ta’ pajjiżna u monument li jifforma parti intrinsika mill-ħajja tal-poplu Malti u mill-wirt kulturali u storiku tal-pajjiż.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi radd ħajr lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-ħidma u l-impenn tagħhom tul is-snin biex il-Funtana tat-Tritoni terġa’ tirritorna għall-glorja oriġinali tagħha u terġa’ tistabbillixi ruħha bħala waħda mill-iprem ikoni turistiċi u monumentali f’pajjiżna. Il-funtana llum tinsab f’waħda mill-isbaħ pjazez ta’ pajjiżna li ħadet isimha mill-isem tal-funtana stess.
Preżenti għat-tnehdija kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, is-Sur Carlos Tabone, il-kuratur tal-Funtana tat-Tritoni, is-Sur Kenneth Cauchi kif ukoll uffiċjali għolja mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.