Hekk kif ninsabu fix-xahar ta’ Novembru, iddedikat lill-mejtin kollha, żorna kollezzjoni privata mhux tas-soltu, li rnexxielu jiġma’ maż-żmien Joseph Mangion, li jaħdem il-funeral u fiċ-ċimiterji u għandu l-passjoni għal oġġetti antiki u ta’ preġju relatati mat-tmiem tal-ħajja u wara.
Fid-dar tiegħu stess f’Ħal Lija, li litteralment qalibha f’mużew, tispikka kollezzjoni li, wisq probabbli, ħafna persuni żgur jistkerrhuha.
Fost l-oħrajn, jispikkaw anġli, li bihom kienu jiżżejnu l-karozzini tal-mejtin fl-imgħoddi, użanza li, mindu bdiet tintuża l-hearse, inqatgħet kważi kompletament, għajr għal xi okkażjonijiet rari.
Qal, “Jiena dawn l-affarijiet inħobbom bilfors, għax xogħli naħdem fil-funerali, u mbagħad għandi din il-kollezzjoni. Din hi kollezzjoni ta’ anġli, li kienu jkunu fuq il-karrijiet tal-mejtin. Dawn l-anġli kollha nħaddmu lejn l-1800 u għandi żewġ settijiet minnhom tal-istatwarju Karlu Darmanin.”
Mangion qalilna kif hi tradizzjoni Maltija antika fejn illum ftit għadek tarahom barra, għalkemm semma li għad hawn min jużahom u jittama li din it-tradizzjoni ma tinqatax.
Rigward il-kollezzjoni kbira u impressjonanti fid-dar, hu qalilna kif, fost l-oġġetti, hemm diversi statwi ta’ qaddisin magħmulin minn diversi materjali u fi żminijiet differenti.
Ix-xewqa tiegħu hi li jsib iċ-ċans ukoll biex jiġbor kollox f’inventarju, fejn fih anke jinkludi minn fejn xtara l-oġġetti u kif ġew għandu biex dawn ma jintilfux.
Qalilna kif kull ħaġa li għandu jaf l-istorja tagħha, min fejn xtraha jew minn fejn ġiet.
Qal, “Jiena dan id-delizzju qabbaduli missieri, għax missieri kien dilettant kbir u kellu l-vari u kien jarma l-vari fil-Ġimgħa l-Kbira, u kien idaħħal lin-nies jarawhom. Jiena kelli ħolma jew ħsieb li ma nġibx in-nies għall-Ġimgħa l-Kbira biss u vvintajt din id-dar biex min irid jiġi nġibhom u joqogħdu jarawhom.”
Mangion temm jgħidilna li, waqt li ġieli ntalab minn gwidi tat-turisti biex jippermetti li jżuru l-post, il-ħsieb tiegħu jibqa’ dak li l-aċċess ikun għal kulħadd is-sena kollha, tant li semma li qed jitkellem mal-awtoritajiet biex dan ikun possibbli.