Eks kollega tal-ġurnalist Roman Protasevich, li ġie arrestat fil-Belarus il-Ħadd wara li l-ajruplan fuqu kien ordnat jinżel f’Minsk, qal li hu u l-kollegi qed jibżgħu għal ħajjithom.
Stepan Putilo qal mal-aġenzija tal-aħbarijiet, BBC, li ġieli rċieva theddid fuq ħajtu fil-passat, imma issa qed jeħodhom bis-serjetà.
Putilo kien waqqaf l-istazzjon tal-midja soċjali tal-Oppożizzjoni Nexta fuq Telegram, fejn Protasevich kien l-editur.
Protasevich u t-tfajla tiegħu, Sofia Sapega, qed jinżammu arrestati fil-Belarus.
Il-ġurnalist ta’ sitta u għoxrin sena, qal li qed jibża’ mill-possibilità ta’ pieni ta’ mewt wara li tpoġġa fuq il-lista tat-terroriżmu.
Intant, tkellmu wkoll il-familji tal-ġurnalist u t-tfajla tiegħu, li esprimew it-tħassib tagħhom għas-sigurtà tal-għeżież tagħhom.
F’filmat li xxandar fuq il-midja soċjali, omm il-ġurnalist appellat lill-komunità internazzjonali biex titkellem f’isimhom u ssalvahom.
L-awtoritajiet qalu li t-tfajla tal-ġurnalist se tibqa’ tinżamm arrestata għal minn tal-inqas xahrejn.
Sapega u Protasevich ġew arrestati l-Ħadd, wara li ajruplan b’titjira minn Ateni lejn Vilnius, ġie ordnat jinżel f’Minsk.
Pajjiżi tal-Punent akkużaw lill-Belarus bi “ħtif” tal-ajruplan tar-Ryanair, u bosta linji tal-ajru qalu li mhux se jtiru minn fuq il-Belarus minħabba dak li ġara.