L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) b’kollaborazjoni strateġika mal-Università ta’ Malta ppreżentaw inizjattiva ta’ taħriġ. L-inizjattiva hija mmirata lejn mexxejja kurrenti u futuri, bil-għan li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-parteċipanti u jiffaċilita djalogu bejn studenti, professjonisti u esperti.
Il-kollaborazzjoni strateġika ġiet varata mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiett tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista. Huwa ddikjara li, “ir-riċerka avvanzata li qiegħda tiġi maqsuma bejn l-MCCAA u l-Università ta’ Malta dwar l-interazzjoni mal-konsumatur, tirrifleti l-impenn tagħna li jiġi żgurat li t-tmexxija ta’ Malta fil-qasam diġitali twassal għal swieq li jaħdmu aħjar għall-konsmaturi, l-kummerċ u s-soċjetà.”
Helga Pizzuto, Chairperson tal-MCCAA, irrimarkat li l-awtorità qiegħda tittrasforma x-xogħol tagħha permezz tal-użu tat-teknoloġija. Hija nnutat il-kollaborazzjoni estensiva ma’ istituzzjonijiet akkademċi permezz tal-Programm Avvanzat ta’ Fellowship. Dan jippermetti riċerka f’inizjattivi tanġibbli filwaqt li jwessa l-orizzonti tal-partiċipanti u jutiliza l-għajnuna tal-esperti disponibbli.
“Il-kollaborazzjoni bejn l-MCCAA u l-Università ta’ Malta rriżultat f’taħriġ speċjalizzat minn esperti lokali u internazzjonali li tibbenefika studenti, impjegati tal-MCCAA u l-pubbliku ġenerali. Aħna nemmnu li din hija l-aħjar prassi fl-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku tal-Università u għandha sservi bħala spinta għal aktar inizjattivi”, qal Emanuel Said, Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, l-Immaniġġjar u l-Kontabilità, u Kap tad-Dipartiment tal-Marketing fi ħdan l-Università ta’ Malta.
L-MCCAA se tkompli tintegra l-innovazzjoni fl-ekosistemi tagħha permezz ta’ strateġiji b’saħħithom u komprensivi.