Malta hija l-ewwel pajjiż madwar id-dinja li permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ Forbes numru ta’ lukandi u ristoranti se jkunu parti mill-inizjattiva Star Awards.
Dan se jkun qed iwassal għall-kwalità ogħla fis-servizzi tal-akkomodazzjoni f’pajjiżna li jkollhom timbru mill-Forbes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u s-Sidien tar-Ristoranti, Andrew Agius Muscat qal li, fost oħrajn lukandi u ristoranti se jkunu qed jingħataw taħriġ biex is-servizz offrut lit-turisti, anke dawk lokali, jkun fost l-aqwa.
Huwa qal, “Numru ta’ lukandi se jkunu magħżula biex ikunu soġetti ta’ mystry guest audits min-naħa ta’ Forbes Travel Guide, fejn b’hekk imbgħad il-lukanda tingħata rapport fejn iservi bħala gwida ta’ kif jistgħu jtejbu s-servizzi tagħhom u l-istess ħaġa r-ristoranti.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clatyon Bartolo tenna li issa, wara żmien ta’ diskussjonijiet dwar il-kwalità fis-settur turistiku, dan qed isir fil-prattika.
Huwa stqarr: “Il-fatt illi bħala pajjiż qegħdin nassoċjaw ruħna ma’ ditta internazzjonali bħal Frobes ser tgħin biex nassiguraw li jkollna l-kwalità vera fis-settur tat-Turiżmu tagħna, iżda ser tgħin ukoll biex inkomplu ngħollu dejjem iżjed ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fis-settur turistiku madwar id-dinja kollha.”
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turżimu, Carlo Micallef iddeskriva l-ftehim mal-Forbes bħala għodda ta’ reklam denju lil pajjiżna bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità.
Micallef sostna: “Insemmu Forbes, qegħdin inwasslu l-messaġġ illi Malta hija sinonima ma’ kwalità, tiġi assoċjata ma’ ditti rikonoxxuti u rispettati, għaldaqstant ser tgħinna ħafna fil-promozzjoni tagħna biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità.”