Fl-isforzi tagħha biex tinkoraġġixxi kontinwament servizz aħjar għall-konsumatur minn nies tal-kummerċ li jaħdmu fl-oqsma kollha tas-settur tal-proprjetà, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, ħabbret kollaborazzjoni mal-kumpanija checkyourtraders.com.
Permezz ta’ dan il-ftehim, intrapriżi u negozjanti li tista’ tgħid ġejjin mill-ispetru sħiħ tas-settur, se jkun irreġistrati bħala membri affiljati tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, ladarba jkunu rreġistrati fuq il-websajt tar-rating.
Dan se jġibhom eqreb lejn l-akbar organizzazzjoni li jaħdmu f’setturi relatati mal-proprjetà, u mistenni li jwitti t-triq għal aktar titjib settorjali għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-partijiet interessati kollha.
Mhux kull applikant jiġi aċċettat awtomatikament u dawn se jkun imġedda kull sena. Bħalissa hemm madwar elf u mitejn applikant.
Waqt it-tnedija, il-Kap tas-Sezzjoni u fundatriċi ta’ checkyourtraders.com, Lauren Rampley, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li laħqet dan il-ftehim mal-MDA, fejn qalet li dan se jagħti aktar serħan il-moħħ lill-konsumaturi.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Michael Stivala spjega li permezz ta’ dan il-pass ’il quddiem, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tirrappreżenta lil kull persuna li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni.
Huwa qal, “Dan il-ftehim se jkun ta’ vantaġġ, kemm għan-negożji, kif ukoll għal konsumatur hemm barra. Aħna ninkoraġġixxu lil minn se jkun qiegħed iqabbad dawn in-nies biex jidħol fiċ-Check Your Traders ħalli jkun hemm u jkun jaf lil min irid iqabbad”.