It-tim tal-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta immodera żewġ workshops bil-għan li janalizza l-isfidi esperjenzati mill-industriji kulturali u kreattivi fuq livell lokali, u biex jifhem jekk hemmx xi kwistjonijiet komuni li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ kollaborazzjonijiet, lokalment u internazzjonalment. Dan sar bħala parti minn DeuS (European Open Design School for Sustainable Regional Development), proġett ta’ Erasmus+ li ilu għaddej għal sentejn, li fih l-Aġenzija hija msieħba flimkien ma’ disa’ entitajiet oħra attivi f’reġjuni Ewropej.
Għall-workshops, li ttrattaw l-importanza tal-ftuħ u l-kollaborazzjoni bħala komponenti ewlenin fl-edukazzjoni u l-formazzjoni tal-artisti u l-kreattivi, kemm f’ambjenti istituzzjonali kif ukoll f’dawk aktar informali, attendew diversi prattikanti kulturali u kreattivi li ġejjin minn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, freelancers, edukaturi u entitajiet li jfasslu l-politika bbażati f’Malta u Għawdex.
Il-parteċipanti qablu li l-kollaborazzjonijiet bejn dixxiplini u sfondi differenti jwasslu għal valur miżjud fil-proġetti u għal tkabbir personali u professjonali, filwaqt li ddiskutew ukoll l-isfidi ffaċċjati minn prattikanti kreattivi kollaboraturi, li jirriżultaw minn differenzi fl-aġendi, id-diffikultà biex jinġabru dixxiplini differenti, u n-nuqqas ta’ għall-esplorazzjoni bis-sħiħ ta’ ideat u approċċi differenti. Fl-istadji kollha, il-ftuħ għall-ħsieb kritiku u d-djalogu, kemm internament kif ukoll ma’ kwistjonijiet soċjali usa’, huwa fundamentali biex is-settur jikber u jissaħħaħ.
Il-proġett jibni fuq l-esperjenza ta’ Matera Open Design School, li bħall-Valletta Design Cluster, tinkoraġġixxi kollaborazzjonijiet fost prattikanti bi sfondi differenti biex jiżviluppaw proġetti u jindirizzaw kwistjonijiet soċjali u kulturali f’kuntatt mill-qrib mal-komunitajiet lokali.
Il-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta – proġett ta’ legat ta’ Valletta 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura – huwa spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsab fil-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta. Jiffoka fuq id-disinn, l-intraprenditorija u l-impatt soċjali, filwaqt li jappoġġja u jippromwovi disinn iċċentrat fuq l-utent bħala katalist għall-innovazzjoni u bħala approċċ multi-dixxiplinarju li jista’ joħloq impatti pożittivi għall-komunitajiet u l-individwi.
Biex issir taf aktar dwar il-proġett żur www.deuscci.eu jew agħmel kuntatt fuq info@deuscci.eu. Biex issir taf aktar dwar il-proġett tal-Valletta Design Cluster, żurna fuq il-paġni ta’ Facebook u Instagram tagħna jew ikkuntattjana fuq info@vallettadesigncluster.org / 22582441.