Malta Public Transport u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni bil-għan li jtejbu s-sigurtà pubblika u s-sigurtà fit-trasport pubbliku b’żieda fil-preżenza tal-pulizija. Din il-kollaborazzjoni se tippermetti lill-uffiċjali tal-pulizija kollha jivvjaġġaw b’xejn fuq ir-rotot tal-karozzi tal-linja kollha billi jużaw it-Tallinja Card tagħhom.
Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport, spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva mhux biss qed jiġi ffalċilitat żieda fil-preżenza tal-pulizija fuq il-karozzi tal-linja tagħna, imma wkoll qed jiġu offruti inċentivi li jsaħħu l-użu tat-trasport pubbliku bħala mezz ta’ vjaġġar li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, qal kif il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u Malta Public Transport għandhom bażi komuni għas-servizz tal-pubbliku.
Bi preżenza u sorveljanza tal-pulizija ffokati f’żoni fejn l-aktar li jintużaw il-karozzi tal-linja, l-infurzar u l-prevenzjoni tal-kriminalità se jitjiebu permezz ta’ din il-kollaborazzjoni. Fl-isess waqt se jiżdied ukoll il-livell ta’ sigurtà kemm għall-passiġġieri tal-karozzi tal-linja kif ukoll għall-impjegati ta’ Malta Public Transport.
Din il-kollaborazzjoni strateġika tinkludi wkoll impenn biex titqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq permezz ta’ kampanji kollaborattivi ta’ għarfien bejn Malta Public Transport u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.