Membri tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta u tat-Teatru Massimo ta’ Palermo, daħlu f’taħdidtiet li għandhom iwasslu għal aktar koperazzjoni kulturali.
Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Chairperson tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Alfred Camilleri, l-Aġent Kap Eżekuttiv, il-Maestro Chris Muscat u r-Resident Conductor tal-Orkestra Maestro Michael Laus f.Palermo, huma kellhom laqgħat mas-Sovrintendent tat-Teatru Massimo, Marco Betta u d-Direttur Mużikali tal-Orkestra taż-Żgħażagħ, Maestro Michele De Luca.
Iż-żewġ partijiet qablu li jsaħħu r-relazzjonijiet kulturali ta’ bejniethom, anke fil-kuntest tar-rabta storika li teżisti bejn Malta u Sqallija.
Din hi t-tieni kollaborazzjoni fl-Italja tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta wara l-ħidma li saret mal-Orkestra ta’ Santa Ċeċilja f’Ruma.
Matul iż-żjara f’Palermo d-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll mas-Sindku ta’ Palermo Roberto Lagalla.