Aħbar ferm tajba għall eluf ta’ segwaċi ta’ dan il-festival popolari hekk kif proġett ġdid, Video Garden, jitnieda fuq is-sit ta’ Earth Garden fil-5 ta’ Ġunju grazzi għal kollaborazzjoni mal-Kummisjoni Ewropeja.
Ix-xahar ta’ Ġunju għal ħafna Maltin li jħobbu l-mużika jfisser ħaġa waħda biss – EarthGarden Festival. Erbat’ijiem li joffru l-aqwa mużiċisti, baned, DJs u artisti Maltin, flimkien ma’ artisti ta fama internazzjonali; esperjenza maġika ta’ kampeġġ unika f’Malta; food court fejn isibu kull tip ta’ ikel immaġinabli; workshops dwar saħħa naturali; suq artiġjanali; sitt palkijiet iddedikati għal kull ġeneru ta’ mużika; esperjenza ambjentali mill-aqwa, u ħafna aktar.
Ma hi sorpriża għal ħadd meta ngħidu li, qabel ma faqqa’ COVID-19, l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival wiegħed line-up tal-ġenn, iżda sfortunatament, il-festival kellu jiġi pospost bħal ħafna attivitajiet oħra.
Biss, dan ma jfissirx li dawk kollha li kienu qed jistennew bil-ħerqa ser jibqgħu b’xiber imnieħer. Grazzi għal kollaborazzjoni li qed issir flimkien mal-Kummissjoni Ewropeja, għandna wkoll aħbar tajba, hekk kif il-preparamenti qegħdin fis-seħħ għal proġett li ser jitnieda fil-ħamsa ta’ Ġunju.
“Ovvjament, ma kienet faċli xejn li nippostponu l-festival innifsu. Iżda ejja ma noqgħodux nimirħu fuq affarijiet koroh. Ma domnix biex nibdew niddiskutu kif nistgħu nagħtu sorpriża sabiħa lill-udjenzi tagħna. U, b’xi mod jew ieħor, jidher li rnexxilna noħolqu mezz kif nagħmlu dan,” qal Reuben Spiteri, wieħed mill-organizzaturi.
Frott ta’ ħafna diskussjonijiet u idejat, naslu għal Ġunju, hekk kif Reuben, flimkien mal-organizzaturi l-oħra, qed ilestu sabiex iniedu sezzjoni ġdida fuq is-sit tal-EarthGarden. Bl’isem Video Garden, din is-sezzjoni ser toffri streaming ta’ sets esklussivi minn uħud mill-akbar ismijiet tal-mużika f’Malta. Din hi inizzjattiva li Reuben jispjega bi ħsiebhom iżommu u jsaħħu għall-futur, u mhux biss għaż-żmenijiet tal-COVID-19.
Iżda kif nibtet din il-kollaborazzjoni flimkien mal-Kummissjoni Ewropeja? Il-bidla fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma ta’ periklu għad-dinja kollha, kif kulħadd jaf. Sabiex nirbħu dawn l-isfidi, l-Unjoni Ewropeja rat il-bżonn ta’ strateġija li tgħin lill-Unjoni Ewropeja iddawwar ruħha f’ekonomija moderna, kompetittiva, u kapaċi tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Din hija il-‘Green Strategy’ li qed tiġi proposta mill-Kummissjoni Ewropeja, li ser tgħin lill-Ewropa toħroġ mill-kriżi ekonomika li tefatna fiha l-COVID-19.
“Aħna identifikajna Earth Garden bħala festival li jilħaq udjenza li temmen fir-risponabbilta soċjali u li qed tagħmel l-almu tagħha sabiex ittaffi l-ħsara li l-bniedem għamel fin-natura. Ma kellna l-ebda dubju li xtaqna nkunu parti minn dan il-moviment, ladarba nemmnu li l-messaġġ tal-Kummissjoni isib għarfien fost in-numru kbir ta’ segwaċi ta’ Earth Garden. Għalhekk, nixtiequ nieħdu din l-opportunita sabiex nuru x’qed tagħmel il-Kummissjoni permezz tal-European Green Deal,@ qalet Elena Grech, Kap tar-Rapprezentanza tal-Kummissjoni Ewropeja f’Malta.
Il-European Green Deal hija mappa strateġika bl’għan li toħloq ekonomija sostenibbli fl’Unjoni Ewropeja. Dan hu għan li jista’ jintlaħaq billi ndawwru l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent f’opportunitajiet u billi noħolqu transizzjoni ġusta li tinkludi lil kulħadd.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropeja Ursula von der Leyen seħħet: “Nixtieq li l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent fid-dinja bi kliema newtrali sal-2050.”
Is-sezzjoni tal-Video Garden kienet ilha fil-pjan li sseħħ għal xi żmien, iżda bil-festival annwali jirrikjedi ħafna żmien u preparamenti, il-proġett dejjem kien qed jispiċċa jieħu anqas priorita.
“Issa li l-festival ġie mressaq għall-2021, sibna daqxejn ċans sabiex fl’aħħar niffukaw fuq dan il-proġett. Eċċitati mmens li nistgħu inħabbru t-tnedija ta’ serje ta’ videos tal-mużika li ser tinkludi sets esklussivi, li nħolqu apposta għalina, kif ukoll xi footage mill-edizzjonijiet ta’ qabel tal-festival. Il-ħsieb tagħna hu li nkomplu nsaħħu dal-proġett fis-snin li ġejjin,” Reuben tenn.
Dawk li jżuru s-sit ser igawdu aċċess b’xejn għal dawn il-videos, bħala ringrazzjament żgħr mit-tim tal-EarthGarden tal-appoġġ b’saħħtu li ntwera wara li ġie mħabbar li l-festival ser ikollu jitmexxa.
“Is-sigurta tal-udjenza tagħna dejjem kienet l-ewwel prioritya. U għalhekk, id-deċiżjoni li mmexxu l-festival ittieħdet malli faqqgħet il-pandemija. Iżda ma nistgħux ma nżidux li din kienet deċiżjoni li qasmitilna qalbna hekk kif kellna nmexxu ix-xogħol ta’ sena sħiħa, kif ukoll l-investiment finanzjarju kollu, għall-2021. Sibna ruħna f’sitwazzjoni fejn dak kollu li ħdimna għalih fl-aħħar tnax-il xahar mhux ser iseħħ għalissa. Mil-lat finanzjarju, dan hu piż kbir,” żied jgħid Reuben.
Fortunatament, kompla jtenni, il-festival kif jafu kulħadd jerġa’ lura akbar u aktar b’saħħtu ma jdumx. L-organizzaturi, fil-fatt, qegħdin jieħdu l-opportunita sabiex jaraw kif jistgħu isaħħu u jkabbru dan l-avveniment tant maħbub, li wisq proabbli huwa wkoll l-akbar festival tal-mużika f’Malta.
Sadattant, l-appoġġ tas-segwaċi t’EarthGarden ikompli jżid hekk kif ħafna minn dawk li kienu ġa qatgħu il-biljetti għal din is-sena iddeċidew li ma jitolbux refund, iżda li jżommu l-biljetti tagħhom għall-edizzjoni li jmiss.
“Ġest bħal dan jgħin ħafna, m’għandnix xi ngħidu, speċjalment mill-punto di vista ta’ cashflow, u ninsabu grati ferm għal dawk kollha li żammew il-biljetti,” qal Reuben, filwaqt li żied li huma kellhom jaffaċċjaw sitwazzjoni ferm agħar minn setturi oħra li ma kienux jiddependu minn attivita waħda fis-sena.
“EarthGarden hu xogħol ta’ sena sħiħa. Meta kellna nmexxu kollox għas-sena d-dieħla, għalina dan fisser li l-investiment kollu ta’ dis-sena kellu jitressaq għal Ġunju ta’ wara. Anke meta negozji oħra jerġgħu jibdew jiftħu, aħna ma nkunux nistgħu nikrupraw it-telfa mal-ewwel,” hu spjega.
Reuben spjega wkoll kif ix-xogħol għal Earth Garden isir tul 12-il xahar, u li hekk kif edizzjoni waħda tasal fit-tmiem, ix-xogħol u l-investiment għas-sena ta’ wara jibda minnufih, bit-titjiried u l-akkomodazzjoni jilħqu jiġu bbukjati sa ma jasal Novembru u l-line-up titlesta kollha kemm hi madwar dawk iż-żmenijiet.
“Hemm tim sħiħ jaħdem fuq EarthGarden, u f’dawn l-aħħar ġimgħat stinkajna ferm sabiex neħilsu l-aħħar ftit problemi ta’ loġistika. Għandna ġenn sabiex jasal 2021, ħalli niċċelebraw bis-sħiħ,” spiċċa billi jgħid Reuben.
Intant, is-sezzjoni Video Garden ser titnieda fuq is-sit uffiċjali fil-5 ta’ Ġunju.
www.earthgarden.com.mt