Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kellu laqgħa mal-Kap Eżekuttiv ta’ Qatar Airways Akbar Al Baker. Inqas minn xahar wara li bdiet topera titjiriet diretti minn pajjiżna, il-kollaborazzjoni mal-Qatar Airways żdiedet, u flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed issir promozzjoni barra minn Malta fl-Awstralja, il-Korea ta’ Isfel u l-Ġappun.
F’din il-laqgħa ġew diskussi possibiltajiet li jintużaw ajruplani akbar għas-servizzi minn Malta, minbarra possibiltajiet għal aktar investiment ġewwa pajjiżna.
Il-Ministru Konrad Mizzi stqarr li b’dawn il-passi, il-Qatar Airways se ġġib f’pajjiżna iktar turisti ta’ kwalità għolja li jfittxu destinazzjoni lussuża għall-vaganzi tagħhom. Żied jgħid li jħares ‘il quddiem biex fil-qrib inħabbru aktar kollaborazzjonijiet interessanti.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, akkumpanjat mid-deputati tal-awtorità Leslie Vella u Carlo Micallef, iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Clifford Chetcuti, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg, kif ukoll ix-charge d’affaires tal-Ambaxxata tal-Qatar.