Waqt żjara statali mill-ET Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, ġewwa r-Repubblika tat-Turkija, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-President Coleiro Preca organizzaw laqgħat mal-maniġment tal-linja ta’ l-ajru ‘Turkish Airlines’ bil-għan li jesploraw aktar kollaborazzjoni bejn l-Air Malta u t-‘Turkish ‘Airlines’. Waqt dawn il-laqgħat, il-Ministru Konrad Mizzi ddiskuta l-possibbiltà ta’ ftehim ġdid ta’ code sharing bejn Air Malta u Turkish Airlines għal destinazzjonijiet partikolari fir-reġjun asjatiku, li jinkludu ċ-Ċina, il-Ġappun u l-Awstralja.
Apparti mill-ftehim ta’ code sharing, iż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll kollaborazzjoni fuq destinazzjonijiet ġodda, permezz ta’ titjiriet li jinkludu riskju konġunt bejn iż-żewġ linji tal-ajru li jinkludu destinazzjonijiet lejn l-Afrika ta’ Fuq u tas-Sub-Saharan. Destinazzjonijiet li qed jiġu esplorati f’dan ir-rigward jinkludu rotot lejn il-Kajr, fost oħrajn.
L-ET Marie-Louise Coleiro iddikjarat li fir-Reġjun tal-Mediterran tagħna, Malta u t-Turkija jinsabu fil-fatt fl-aħjar pożizzjoni sabiex jesploraw possibilitajiet bħal dawn ta’ kollaborazzjoni minħabba l-konnettività eċċellenti rispettiva tagħna, ma’ Turkish Airlines bħala konnettur globali, u Air Malta bħala Ewro-Mediterranja konnettiva.
Matul iż-żjara, il-Ministru Mizzi għamel laqgħat bilaterali mal-Ministru Tork għall-Kultura u t-Turiżmu Mehmet Nuri Ersoy. Il-Ministru Mizzi stieden formalment lill-Ministru Tork għall-Forum tat-Turiżmu tal-Mediterran li se jsir f’Malta fil-15 ta’ Frar 2019.
Il-Ministru Konrad Mizzi kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti is-Sur Ronald Mizzi, iċ-Chairman ta’ l-Air Malta Charles Mangion, flimkien ma’ uffiċjali oħra ta’ l-Air Malta.