Tixtieq tibda l-ġurnata tiekol il-kolazzjon fil-miftuħ, f’ambjent naturali u ‘l bogħod mill-ġenn u l-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum? Din tista’ ssir realtá nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju waqt l-attivitá mtella’ minn Heritage Malta, il-Kolazzjon f’Għar Dalam.
Il-kolazzjon jiġi servut fit-8.00am fl-ispazju miftuħ u arjuż fuq il-wied ta’ Għar Dalam. Wara ssir żjara bi gwida dwar is-sejbiet arkeoloġiċi, storiċi u naturali tas-sit. Dan is-sit jikkonsisti f’għar li jifforma parti minn Natura 2000 minħabba preżenza tal-ispeċi endemika tal-ħanżir l-art tal-għerien li ġie skopert fil-partijiet ta’ ġewwa tal-għar, u żewġ swali, waħda fuq stil Vittorjan u s-sala l-oħra tagħti iktar spjega dettaljata dwar l-evoluzzjoni u s-sejba tal-għar. Fis-sit u l-madwar, li qed jitħejjew biex isiru park nazzjonali, għaddej proġett sabiex jinżergħu iktar pjanti u siġar indiġeni.
Waqt iż-żjara, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunitá jżuru wkoll il-ġiebja maqtugħa fil-blat u aċċessibli Ta’ Kaċċatura u l-fdalijiet ta’ villa Rumana biswit u Casa Ippolito, razzett tas-seklu sbatax f’Wied Ħas-Saptan.
Il-parteċipanti huma mitluba jilbsu żraben adattati għall-mixi. In-numru ta’ biljetti huwa limitat u jistgħu jinkisbu mis-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta jew online. Il-prezz huwa €15 għall-adulti, €13 għall-anzjani u student, €11 għall-membri ta’ Heritage Malta u €10 għat-tfal.