Il-Malta Public Transport introduċiet il-kodiċijiet QR fuq il-bus stops kollha bħala parti mill-investiment f’teknoloġija li ttejjeb il-puntwalità u l-aċċessibiltà.
Apparti l-fatt li l-iskeda tal-karozzi tal-liinja se tkun qiegħda mwaħħla f’kull bus stop, dawn il-kodiċijiet QR se jipprovdu stima tal-ħin biex wieħed ikun jaf fi x’ħin tkun ġejja tal-linja.
Permezz tal-Qr Code wieħed ikun aġġornat dwar fejn tinsab tal-linja, jiġifieri kemm qegħda l-bogħod mill- bus stop.
L-informazzjoni tkun ġejja direttament mill-karozza tal-linja, għax kull vettura għandha użu tat-teknoloġija tal-GPS li jippermettilha li, kull tletin sekonda, tikkomunika l-post eżatt fejn tkun tinsab.
Din l-informazzjoni mbagħad tintbagħat lill-kodiċijiet QR f’kull waħda mill-2,000 bus stop madwar Malta u Għawdex. Din l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll fuq l-app ‘Tallinja’.
L-App ‘Tallinja’ diġà toffri s-servizz biex wieħed ikun jista’ jara tal-linja x’ħin se tasal. Din l-app diġà tniżżlet ’il fuq minn 320,000 darba. Dan juri li 47.9 fil-mija tal- passiġġieri qegħdin jużawha kull xahar.
Dawk kollha li għadhom ma niżżlux l-app ‘Tallinja’ se jiġu infurmati xorta waħda ħalli jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni billi jużaw il-kodiċijiet QR għall-iskeda tas-sajf fuq kull bus stop.