Il-Korp tal-Pulizija nieda kodiċi tal-etika ġdid għall-uffiċjali tiegħu. Kodiċi tal-etika li jirregola kif iġib ruħu uffiċjal tal-korp tal-pulizija kemm meta jkun liebes l-uniformi, iżda wkoll fil-ħinijiet fejn ma jkunx fuq xogħol.
Il-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija, Angelo Gafà spjega kif il-kodiċi tal-etika eżistenti kien ilu fis-seħħ tmintax-il sena u għalhekk kif wasal li jkun mibdul b’wieħed iżjed aġġornat maż-żminijiet. Stqarr li dan ser ikun qed jinżamm ħaj hekk kif ser ikun rivedut kull ħames snin.
Huwa qal: “Għamilna ‘policy’ ċara wkoll ta’ x’part time jobs jista’ jagħmel membru tal-Korp tal-Pulizija u s-sistema li qed naddottaw, kif ukoll daħħalna miżuri trasparenti u fair ta’ kif uffiċjali tal-Korp jiċċaqalqu minn sezzjoni għall-oħra fil-Korp allura wara li jkun hemm ‘selection process’ għal dan il-għan.”
Fid-diskors tiegħu huwa spjega kif fir-rapport tal-Greco ppubblikat fl-2019 kien hemm numru ta’ rakomandazzjonijiet immirati lejn il-Korp tal-Pulizija. Stqarr li dawn illum ġew indirizzati. Fost l-oħrajn il-grupp ta’ stati kontra l-korruzjoni kienu rrakomandaw li l-Korp jikkomunika aktar. Stqarr li l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp ippubblikata f’Settembru li għadda, fost l-oħrajn tisħaq fuq dan il-punt u llum il-komunikazzjoni mal-midja żdiedet. Dan filwaqt li permezz tal-paġna ta’ Facebook ta’ Korp, żdied ukoll il-komunikazzjoni mal-pubbliku.
Il-Greco saħqet ukoll li l-korp jaddotta strateġija dedikata kontra l-korruzzjoni u li jkun hemm bilanċ iktar bejn is-sessi u bi proċessi iktar ġusti.
Dwar dan ġie mwaqqaf dipartiment tal-awditjar intern fuq il-korp. Fl-aħħar ġimgħat sejħiet interni tal-korp qed jagħmluha ċara li dawn huma miftuħin kemm għall-irġiel u anke tan-nisa. Il-Korp ippubblika wkoll politika kontra l-frodi u l-korruzzjoni f’Novembru tal-2019.
Din il-politika introduċiet numru ta’ kunċetti, fosthom l-uffiċjal tal-integrità li jagħti l-pariri fuq dak li hu etiku jew mhux, u uffiċjal jista’ jersaq ‘il quddiem u jirrapporta nuqqasijiet serji. Stqarr li wieħed jifhem li biex uffiċjal jirrapporta kollega ma jsibiex faċli, u allura stqarr li hawnhekk ġie ffaċilitat il-proċess. Stqarr li llum saret possibbli li wieħed jibqa’ anonimu mingħajr abbużi.
Il-Kummissarju spjega wkoll kif ser tkun mibdula l-istruttura li wieħed jimxi fiha meta jilħaq uffiċjali tal-pulizija. Dan hekk kif rekluta ġdid ser jibda b’ħidma fid-distrett għall-ewwel tliet snin tal-karriera. Fl-ewwel sentejn dan ser ikun segwit minn uffiċjal apposta li jkun qed qed jieħu ħsieb lir-rekluta. Wara t-tliet snin l-uffiċjal ikun jista’ japplika sabiex jissieħeb ma’ sezzjoni iktar speċjalizzata skont il-kwalifiki tiegħu.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif dawn il-bidliet fil-korp tal-pulizija juru kif dan il-Gvern iżomm kelmtu u lest ikompli jirriforma.
Huwa sostna: “Il-ħaddiem tajnieh ‘Collective Agreement’ ġdid ftit tas-snin ilu, tajnih kundizzjonijiet aħjar u anke qed inħallsuh bid-doppju meta jaħdem ‘extra’ fil-ħdud jew inkella fil-festa. Iżda fl-istess ħin irridu naraw illi filwaqt li tal-ħaddiem ikun tal-ħaddiem, tal-pubbliku jkun tal-pubbliku. Allura permezz ta’ dawn it-tibdiliet li qed nagħmlu, qed naraw li l-pubbliku jirċievi servizz aħjar mill-Korp tal-Pulizija.”