L-Awtorità Maltija għall-Gaming, l-MGA waqqfet il-kodiċi għall-prattiċi tajbin permezz tal-ESG għall-kumpaniji fis-settur tar-remote gaming.
Dan bil-għan li dawn il-kumpaniji jħarsu l-prinċipji ambjentali, soċjali u anki l-governanza tajba, biex ikunu aktar sostenibbli, waqt li jkunu lesti għall-futur.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta’, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri tkellem dwar l-importanza tas-settur tal-gaming għal pajjiżna, li jħaddem aktar minn ħdax-il elf u mitejn persuna, b’impjiegi ta’ kwalità.
Intqal kif il-Gvern qed jinvesti fis-settur tal-videogame development, anki permezz ta’ taħriġ f’istituzzjonijiet edukattivi.
Il-Ministru Schembri tenna kif dawn il-kodiċi se jippreparaw il-kumpaniji għall-ġejjieni, anki meta fis-snin li ġejjin se jiddaħħlu direttivi mill-Unjoni Ewropea.
Qal, “Irridu naraw li nkomplu nimplimentaw il-politika ta’ dan il-Gvern. Dan il-Gvern ma jemminx fil-politika tal-kastig, iżda jemmen fil-politika ta’ inċentiva u anki f’dan is-settur qegħdin ngħidu li dawk il-kumpaniji li ħa jużaw din l-għodda, li qegħdin nagħduha b’mod volontarju mir-regolatur f’dan is-settur fl-industrija tal-gaming. Dawk il-kumpaniji li ħa jkunu qegħin isegwu u jużaw, ħa jkunu qegħdin jiġu pprempjati.”