L-Avukat u eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono kompla jiżvolġi l-argumenti tiegħu fil-midja soċjali dwar kemm is-settur tal-ġustizzja kien fi stat ħażin u kien jeħtieġ riforma ħolistika meta hu kien fil-Parlament u kien, għalhekk, li ppropona riformi li, imbagħad, spiċċaw implimentati biss minn Gvern Laburista.
Dr Debono kien qed jitkellem b’reazzjoni għall-kritika li saret, fost l-oħrajn, mill-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri dwar ir-riforma fl-inkjesti proposta mill-Gvern.
“Importanti li meta nisimgħu nies, bħal Silvio Camilleri, jitkellmu, nifhmu, inpoġġu kollox fil-kuntest. Inpoġġu kollox fil-perspettiva tiegħu. Għax meta Silvio Camilleri, kif diġà spjegajt, kien Avukat Ġenerali, u ħa nkun ċar, kien avukat tal-Gvern u prosekutur pubbliku. U, kif hawn allegazzjonijiet fuq politiċi llum, anke dak iż-żmien kien ikun hawn allegazzjonijiet fuq politiċi. Ara naħsbu li l-allegazzjonijiet fuq politiċi bdew issa, anke dak iż-żmien kien ikun hawn allegazzjonijiet fuq politiċi. Imma dak iż-żmien, min suppost iressaq il-Qorti lil dawk il-politiċi, kien l-avukat tagħhom. Għax qua Avukat Ġenerali, kien l-avukat tal-Gvern u l-prosekutur pubbliku. Xi ħaġa oħra li jien ridt nimmodernizza u ma ridtx li nibqgħu mwaħħlin fis-sitwazzjoni tad-dlam, fl-era tad-dlam, fir-rule of law u fis-settur tal-ġustizzja.”
Franco Debono, Avukat u eks MP
Dr Debono, li kien ippropona riforma ħolistika fil-ġustizzja u l-intern meta kien fil-Parlament, jisħaq li, fi żmien Silvio Camilleri, kien ikun hemm ukoll allegazzjonijiet fuq politiċi, iżda, b’differenza mil-lum, min suppost kien qed iressaqhom il-Qorti, kien qiegħed iservi bħala l-avukat tagħhom, peress li l-prosekutur pubbliku kien ukoll l-avukat tal-Gvern.
Fil-fatt illum l-kariga li kien jokkupa Silvio Camilleri ġiet maqsuma fi tnejn – Avukat Ġenerali, li llum hi Victoria Buttigieg, u Avukat tal-Istat, pożizzjoni okkupata minn Chris Soler.
L-avukat b’esperjenza Franco Debono jelabora wkoll dwar konflitt ieħor li kellu Silvio Camilleri, meta, fi żmien Gvern Nazzjonalista, kien magħżul biex jokkupa r-rwol ta’ Avukat Ġenerali.
Dan fil-kuntest li, f’dak ir-rwol, kien jagħti l-pariri lill-Gvern dwar is-saltna tad-dritt, meta dan kien qiegħed jirreżisti akkost ta’ kollox li jiddaħħal id-dritt ta’ avukat kif kien issuġġerit mill-istess Franco Debono, dak iż-żmien bħala Deputat Parlamentari mal-Gvern.
Dak iż-żmien, Dr Debono kien ippropona diversi riformi fis-sistema Kostituzzjonali, li mhux biss ġew injorati kollha mill-amministrazzjoni GonziPN, iżda kien ukoll spiċċa ppersegwitat.
“Biex ma nsemmix ta, Silvio Camilleri kien Avukat Ġenerali u, allura, avukat tal-Gvern meta Malta kienet wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li ma kellux id-dritt tal-avukat. U li, imbagħad, mela bħala konsulent tal-Gvern kellu l-obbligu jew id-dover li jagħti l-parir lill-Gvern x’jagħmel b’dan id-dritt, idaħħlux jew le, bħala prosekutur pubbliku kellu konflitt ta’ interess, għax kien jaqbillu li dan id-dritt ma jidħolx, avolja dan kien dritt fundamentali tal-bniedem.”
Franco Debono, Avukat u eks MP
L-avukat Debono jfisser ukoll din is-sitwazzjoni sempliċiment bħala xibka u kobba mħabbla ta’ konflitt ta’ interess.
“Imma biex taraw is-serje ta’ konflitti, ix-xibka u l-kobba mħabbla ta’ konflitti ta’ interess li kien hemm fi żmien Silvio Camilleri. U s-sitwazzjoni tar-rule of law, jien ngħid żmien id-dlam, Silvio Camilleri jissimbolizza żmien id-dlam fir-rule of law f’dan il-pajjiż.”
Franco Debono, Avukat u eks MP
Minkejja dan, l-eks Avukat Ġenerali u Prim Imħallef appuntat politikament minn Gvern Nazzjonalista, Silvio Camilleri, qatt ma ħass il-bżonn li jesprimi l-fehma politiko-legali tiegħu dwar din is-sitwazzjoni.
Kien biss issa li ħass li kellu jitkellem dwar is-saltna tad-dritt u dan anke b’attakk dirett fuq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija, li skont hu, illum huma maħkumin mill-Gvern.
Ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali, li qed tkun diskussa f’dawn il-jiem fil-Parlament, tirrappreżenta pass sinifikanti lejn it-tisħiħ tal-integrità u r-responsabbiltà fil-proċess investigattiv. Dan billi tiżgura li ċ-ċittadini, il-vittmi u l-individwi suspettati jkollhom drittijiet u rimedji ċari.