Il-Parlament approva liġi li tirregola forom differenti ta’ koabitazzjoni bil-għan li joffri protezzjoni u jagħti aktar drittijiet lill-koppji li jgħixu flimkien.
Il-liġi approvata taħseb f’dawk il-koppji li ma jixtiqux ikunu regolati mill-istituzzjonijiet taż-żwieġ jew unjoni ċivili, iżda xorta jixtiequ li l-għażla tagħhom li jgħixu flimkien tkun rispettata.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Helena Dalli kien spjegat li l-liġi tagħraf li kull koppja għandha l-preferenza tagħha ta’ kif tirregola r-relazzjoni.
Il-Liġi Maltija sa issa ma kinitx tirrikonoxxi koppji li jikkoabitaw, dan ifisser li f’għajnejn il-liġi dawn il-persuni ma kellhom ebda drittijiet jew dmirijiet jekk joħorġu mir-realzzjoni ta’ bejniethom.
Il-liġi hija flessibbli u tagħti libertà lill-koppja. Jiġifieri kull koppja li tqis li qiegħda f’relazzjoni intima u li tixtieq li tgħix fl-istess residenza hija rikonoxxuta minn din il-liġi.
Dan ifisser li anke koppji li parti minnhom jew it-tnejn huma separati legalment ukoll se jiġu rikonoxxuti bħala koabitanti de facto.
Il-koabitazzjoni għandha l-istess limitazzjonijiet li tagħmel il-liġi li tirregola ż-żwieġ, jiġifieri fost oħrajn il-kuntratt taż-żwieġ ikun null jekk isir ma’ persuna taħt l-età.
Il-liġi tħares lejn 3 forom ta’ koabitazzjoni:
- Koabitazzjoni de facto
- Koabitazzjoni permezz ta’ kuntratt
- Koabitazzjoni unilaterali
Koabitazzjoni de facto
Koppji li diġà kienu qed jikkoabitaw minn tal-inqas għal sentejn iżda ma jridux li jkollhom irbit legali jitqiesu bħala koabitanti de facto.
Din it-tip ta’ koabitazzjoni ma’ toħloqx drittijiet u obbligi tal-koabitanti lejn xulxin. Iżda wara sentejn dawn il-koppji se jingħataw sett ta’ drittijiet bażiċi.
F’dan il-każ, il-koabitanti m’għandhom bżonn jagħmlu l-ebda dikjarazzjoni uffiċjali u huma fil-libertà li jgħixu kif jixtiequ huma mingħajr ma jkunu regolati bil-liġi.
Koabitazzjoni permezz ta’ kuntratt
F’din it-tip ta’ koabitazzjoni, l-liġi tħares lejn koppji li jridu jikkoabitaw, jew li diġà qegħdin jikkoabitaw, u li jkunu jixtiequ jirregolaw ir-relazzjoni tagħhom b’mod formali.
Għalhekk, quddiem nutar, dawn jiffirmaw kuntratt li jiġi formulat skond ix-xewqa tal-koppja, li jiġi reġistrat fir-Reġistru Pubbliku u permezz ta’ dan isir att pubbliku legalment validu.
Il-liġi tirrikjedi biss li bħala minimu, il-kuntratt għandu jkollu numru ta’ punti stabbiliti fil-liġi, bħala protezzjoni kemm tal-koppja nnifisha kif ukoll tal-ulied li diġà għandhom jew għad ikollhom.
Koabitazzjoni unilaterali
Din it-tip ta’ koabitazzjoni tippermetti li parti waħda mill-koppja tiddikjara koabitazzjoni eżistenti permezz ta’ ittra reġistrata. Din tapplika għal dawk il-koppji li qed jikkoabitaw u jixtiequ li jkollhom drittijet iża l-parti l-oħra ma tkunx trid tidħol f’irbit.
Din it-tip ta’ koabitazzjoni se tiġi aċċettata biss fl-ewwel ħames snin mid-dħul ta’ din il-liġi.