Ftit tal-ħin ilu fl-ajruport Reagan National ta’ Washington DC issejħet konferenza tal-aħbarijiet sabiex jiġu aġġornati d-dettalji ta’ dak li seħħ kmieni dalgħodu metal ajruplan tal-passiġġieri tal-American Airlines allegatament ħabat ma’ ħelikopter militari Black Hawk ftit minuti qabel illandja bil-konsegwenza li t-tnejn iġġarffu fix-xmara Potomac.
Din ġiet indirizzata mis-Sindku tad-Distrett ta’ Kolumbja Muriel Bowser u s-Segretarju tat-Trasport Sean Duffy fejn intqal li kemm l-ajruplan kif ukoll il-ħelikopter militari kienu qed joperaw normali u t-temp kien wieħed b’viżibilità tajba. Huwa qal li hija xi ħaġa normali li jkollok ajruplan qed jillandja filwaqt li ħelikopters militari jkunu jtiru fuq ix-xmara. Hekk kif ikunu rikoverati l-biċċiet jibda mill-ewwel isir l-analiżi fuq eżattament x’ġara.
Ma jidhirx li seta’ kien hemm min salva f’dan l-inċident u issa l-operazzjoni minn waħda ta’ salvataġġ qalbet sabiex jiġu rikoverati l-iġsma mix-xmara. Diġà nstabu 27 katavru fl-ajruplan filwaqt li katavru ieħor instab fil-ħelikopter. L-uffiċċjali tas-salvataġġ huma kunfidenti li se jsibu l-mejta kollha.
Il-linja tal-ajru American Airlines appellat lill-familjari ta’ dawk li kienu abbord it-titjira 5342 sabiex iċemplu fuq in-numru assenjat apposta għal aktar informazzjoni.