30 kamra tan nar li joperaw bil-volontarjat se jibbenefikaw minn fondi tal-Kunsill Malti għall-arti li jlaħħqu l-€170,000, biex ikunu jistgħu jtejbu l-istrutturi tagħhom kif ukoll jinvestu f’makkinarju aktar modern u sigur biex jaħdmu n-nar.
Kull kamra tan-nar li applikat se tieħu €5,000 għal dan l-għan, li huma biżżejjed biex wieħed jagħmel xogħlijiet ta’ ristrutturar fil-kumpless tan-nar rispettiv tiegħu, anke biex l-operat ikun dejjem aktar sigur.
Frank Zammit, mill-Kamra tan-Nar San Ġużepp f’Ħal Għaxaq spjega li dawn il-fondi se jiswew mitqlu deheb.
Huwa spjega: “Din is-sigurtà nistgħu ntejbuha pereżempju bis-soqfa li nsibu fil-kmamar tan-nar. Dawn jekk ikunu tal-konkos u jkun hemm inċident, dawk is-soqfa se jkunu ta’ periklu, għaliex jiġġarraf u jordom kull ħaġa li nsib. Jekk is-soqfa jsiru b’materjal apposta, is-sigurtà titjieb. Eżempju ieħor huwa l-makkinarju li qed nużaw biex illum il-ġurnata nkunu aktar siguri.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera spjega wkoll li s-settur kulturali, li tiegħu hu responsabbli, ħa daqqa kbira kawża tal-pandemija minħabba li jiddependi fuq l-udjenzi. Huwa wiegħed li fil-ġimgħat li ġejjin, anke bi preparazzjoni għall-baġit tas-sena d-dieħla, se ssir ħidma biex aktar niċeċ tal-qasam jingħataw l-għajnuna li ħaqqhom.
Il-Ministru Herrera stqarr: “Fil-ġimgħat li ġejjin se nieħu xi inizjattivi u nħabbar xi skemi biex ngħin lil dawn il-persuni u għaqdiet b’mod indirett u dirett. Nista’ nserrħilhom rashom ukoll li fuq il-mejda tan-negozjati għall-baġit tas-sena d-dieħla, kif ukoll b’mod dirett mal-kabinett, qed inkun il-vuċi tagħhom biex nassigura li mill-kejk ta’ għajnuniet ekonomiċi jieħdu dak li jistħoqqilhom.”