Fil-klinika ta’ matul il-jum tar-residenza San Vinċenz De Paule ġiet inawgurata klinika ġdida u servizz ġdid għall-mard infjammatorju tal-imsaren u tal-istonku, proprju fil-Jum li jqajjem għarfien dwar dan il-mard gastroenteroloġiku.
F’konferenza tal-aħbarijiet, intqal kif il-Kolite u l-Crohns huma kundizzjonijiet li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja.
Barra minn hekk, dan l-iżvilupp iġonġi ma’ żvilupp ġdid li jinsab fi stadju avvanzat, li huwa l-unit tal-endoskopija state-of-the-art b’kunċetti ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv tar-residenza, Dr Josianne Cutajar, qalet li ’l fuq minn 8,000 pazjent għamlu użu minn dan iċ-ċentru, xhieda tal-bżonn li hemm għalih. Huwa proprju għalhekk li ċ-ċentru ra ż-żieda ta’ tmien kliniċi ġodda.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega dan l-investiment aktar fid-dettall.
“Hawn se niffukaw fuq pazjenti anzjani li jiffukaw fuq dawn il-kundizzjonijiet u dan huwa l-ewwel pass f’dan is-settur tant importanti. Illum stess rajna l-iżviluppi li qed nagħmlu fuq l-infrastruttura biex inħejju għal ċentru ta’ endoskopija li se jkun jikkumplimenta lil din il-klinika.”
Min-naħa tiegħu, il-Professur Pierre Ellul, li jmexxi l-klinika, tkellem magħna kif dan l-investiment se jkompli jtejjeb il-ħajja tal-pazjenti.
“Ovvjament, se nkunu qegħdin nagħtuh l-aħjar kura possibbli dak il-ħin. M’aħniex biss it-tobba li se nkunu qed nagħtu dan il-pakkett għax magħna wkoll se jkun hawn esperti u dieticians, fejn bl-esperjenza tagħhom se jgħinu fil-kura ta’ dawn il-pazjenti.”
L-infermiera Sylvia Spiteri semmiet ukoll l-impenn li qed isir sabiex din il-klinika tkun waħda ta’ standard għoli.
“Estendejna ħafna s-servizzi tal-outpatients, u qegħdin inkopru kull speċjalizzazzjoni fejn il-kura tal-anzjani qiegħda dejjem titjieb.”