Diversi kliniċi li jagħmlu l-abort f’xi stati Amerikani bdew jagħlqu wara li lbieraħ il-Qorti Suprema Amerikana ddeċidiet li l-abort ma jibqax dritt fil-kostituzzjoni tal-pajjiż. Fil-fatt qed jiġi rrappurtat li nofs l-istati se jkunu qed jintroduċu restrizzjonijiet ġodda.
Tlettax-il stat diġà daħħal liġijiet ta’ projbizzjoni, fejn issa bid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, se jagħmlu l-abort illegali.
Qed jiġi kkalkulat li s’issa sitta u tletin miljun mara tilfu d-dritt tal-abort.
Għal din id-deċiżjoni eluf ta’ nisa ħarġu jipprotestaw f’diversi stati madwar l-Amerika.
Intant il-President Joe Biden iddeskriva din is-sentenza bħala żball traġiku u wissa li s-saħħa u l-ħajja tan-nisa fl-Istati Uniti issa jinsabu f’riskju, hekk kif ikkundanna d-deċiżjoni estrema u perikoluża tal-Qorti Suprema li tħassar id-dritt għall-abort.