“Il-piż addizzjonali għall-ġlieda kontra l-klima minn dawk li jgħixu fil-gżejjer għandu jinqasam bejn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea.”
Qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt laqgħa mal-mexxeja tal-industrija tal-avjazzjoni li kienu qegħdin jiltaqgħu f’pajjiżna.
“Filwaqt li irridu nkunu l-aktar ambizzjuzi possibli u nisfidaw lilna nfusna dwar l-ambjent, irridu nassiguraw li min jgħix fuq gżira ma jkunx żvantaġġat bi prezzijiet iktar għoljin meta kkumparat ma’ ħadieħor li jgħix fil-kontinent”, saħaq Engerer.
Engerer li hu l-unika Malti fil-Kumitat tal-Ambjent spjega li biex l-Ewropa tilħaq il-mira li tkun newtrali mill-karbonju sal-2050, qiegħda ddaħħal diversi miżuri ambjentali li huma importanti anke għas-saħħa tal-bniedem.
Għaldaqstant saħaq li kien importanti li kull settur tal-industrija jitħaddem b’metodi dejjem iktar nodfa u ambjentali.
Huwa sostna, li fl-istess waqt, il-konettività għall-gżejjer bħal Malta hi essenzjali u fin-nuqqas ta’ metodi oħra, rridu naraw li l-ebda persuna li tgħix f’Malta jew gżejjer oħrajn ma tkun żvantaġġjata waqt it-it-transizzjoni ambjentali li hi tant meħtieġa.
Engerer spjega kif ressaq numru ta’ emendi fil-kumitati rispettivi u anke fil-plenarja biex il-partikolaritajiet tal-gżejjer li huma Stati jiġu meħuda f’kunsiderazzjoni, f’kull deċiżjoni li tista’ tiżvantaġġa lil dawk li jgħixu fuq gżira.