Tlieta u għoxrin klijent tan-Nutar Ivan Barbara, li miet fl-Indja kawża tal-Covid-19, fetħu proċeduri legali kontra mart Barbara, u qed jitolbu sabiex din tagħtihom lura l-ammont ta’ madwar mija u ħamsa u sittin elf ewro f’depożiti u taxxa li kienu għamlu fuq propjetajiet.
Il-klijenti qed jargumentaw li f’idejjhom huma għandhom evidenza li l-Uffiċċju tan-Nutar Barbara għadu miftuħ u jaħdem sal-ġurnata tal-lum.
Fil-każ li fetħu quddiem il-Prim Awla Qorti Ċivili, il-klijenti saħqu li għal bidu huma ġew infurmati li minħabba li ċ-ċertifikat tal-mewt kien għadu ma ħariġx, peress li n-Nutar miet barra minn Malta, r-rifużjoni ma setgħetx issir minnufih.
Kif ħareġ iċ-ċertifikat tal-mewt, mart in-Nutar, Rosanne Barbara Zarb kienet qalet li l-proċess ta’ ħlas lill-klijenti kien għadu għaddej.
Imbagħad, anke meta l-klijenti tkellmu ma’ Nutar li kienet taħdem fl-istess uffiċċju tan-Nutar Barbara, din kienet infurmathom li Rosanne Barbara Zarb kienet irrinunzjat il-wirt ta’ żewġha.
Kif kien tħabbar, f’Awwissu li għadda inħatar Nutar tal-Gvern sabiex jibda jassumi l-atti tan-Nutar Ivan Barbara.
Fil-proċeduri legali li nfetħu ġie spjegat kif il-klijenti kienu ħallsu it-taxxa lin-Nutar Barbara biex dan iħallasha f’isimhom.
Wara mewtu, dawn saru jafu li din it-taxxa qatt ma waslet għand id-dipartiment konċernat, bil-konsegwenza li l-att pubbliku qatt ma ġie rreġistrat.
Intqal ukoll kif sabiex dawn jiġu reġistrati, issa se jkollhom jerġgħu jħallsu t-taxxa li diġà kienu ħallsu lin-Nutar Ivan Barbara.
Fl-istess proċeduri, l-Avukat tal-klijenti qal li huma se jippruvaw bil-fatti li l-armla tan-Nutar Barbara kienet wettqet atti ta’ eredi u għalhekk kienet aċċettat il-wirt.
Jekk verament jiġi ppruvat dan, il-Qorti tista’ tiddikjara li Rosanne Barbara Zarba hija l-werrieta ta’ żewġha u għalhekk trid tirrifondi lill-esponenti, il-flejjes li kienu ħallsu lin-Nutar Ivan Barbara kemm f’taxxa kif ukoll f’depożiti mal-konvenji.