Wara li eluf ta’ nies ħonqu t-toroq tal-Furjana u tal-Belt Valletta għall-festa ta’ briju u kuluri, kienu bosta li kellhom kliem ta’ tifħir għall-ħaddiema tad-Direttorat tat-Tindif hekk kif it-toroq li fihom kien hemm numru sostanzjali ta’ skart tnaddfu kollha filwaqt li nħasslu t-toroq mingħajr ebda ostaklu għat-traffiku.
Xi kultant wieħed jonqos milli japprezza x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema li jassiguraw li t-toroq tagħna jinżammu nodfa u jneħħu l-iskart li jkun intrema’ fl-art minkejja l-appelli li jsiru biex wieħed ma jħammiġx.
Min daħal fil-Belt Valletta dalgħodu seta’ jinnota li ma’ tlugħ ix-xemx, dawn it-toroq kienu diġa’ tnaddfu biex b’hekk it-turisti jintlaqgħu tajjeb minn din id-daħla filwaqt li l-Maltin ikollhom ambjent aktar nadif.