Il-General Workers’ Union laqgħat b’sodisfazzjon it-tħabbira uffiċjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat tal-investiment ta’ $100 miljun f’Malta mill-kumpanija Amerikana Crane Currency. Investiment li se jfisser aktar minn 200 impjieg, li jitilgħu għal 300, u xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin.
Fi stqarrija l-GWU qalet li l-ftuħ ta’ din il-kumpanija f’Malta huwa konferma tal-kapaċitajiet li għandu pajjiżna biex jattira kumpaniji tal-manifattura avvanzata, kif ukoll l-għarfien tal-potenzjal li għandhom il-ħaddiema Maltin f‘dan is-settur industrijali partikolari.
Fil-fatt il-kapaċitajiet ta’ pajjiżna, il-klima industrijali kif ukoll il-potenzjal tal-ħaddiema Maltin dejjem kienu fuq l-aġenda tal-Union tul id-diskussjonijiet li hija kellha fix-xhur li għaddew mat-tmexxija ta’ Crane Currency, żiedet tgħid fl-istqarrija.